Jean Pierre Debono jippubblika kemm jaqla' paga fix-xahar
Dan wara li kienu ħafna dawk li allegaw li Debono talab paga kbira mill-Partit Nazzonalista meta ċeda s-siġġu lil Adrian Delia
More in Politika
Dan wara li kienu ħafna dawk li allegaw li Debono talab paga kbira mill-Partit Nazzonalista meta ċeda s-siġġu lil Adrian Delia
L-uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono ppubblika fuq Facebook kemm jaqla' paga mill-Partit Nazzjonalista fix-xahar.
Huwa tefa' screenshot mill-internet banking li juri kif sal-aħħar tax-xahar li għadda huwa rċieva €2,238.97 f'idu.
Debono ma qalx jekk dan l-ammont jinkludix ukoll xi benefiċċji oħra li jistgħu jiġu mal-impjieg u l-irwol tiegħu.
Dan is-sit ikkuntatja lil Debono biex jistaqsih dwar dan, iżda sa issa ma rnexxilux jaqbdu.
"Jekk wieħed jagħmel is-somom jirrealizza li f'maratona waħda li saret ftit tax-xhur ilu jiena u l-mara flimkien ġbarna għall-PN ftit anqas mis-somma li l-paga tiegħi tammona f'sena sħiħa. Ferm 'il bogħod mill-€50,000, €70,000 u €100,000 li ilhom isemmu xi individwi," saħaq Debono.
Insista li dan biex ma jsemmix "il-ħinijiet bla limitu u kundizzjoni li tajt għall-Partit."
Fl-aħħar jiem, Debono kien fiċ-ċentru ta' kontroversja wara li ġie allegat li hu bagħbas il-lista tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv eleġibbli li jivvutaw u dan wara li l-istess Kumitat kien għażel lilu biex jieħu post David Stellini fil-Parlament.
Kien allegat ukoll li Debono talab paga kbira mill-Partit Nazzonalista meta ċeda s-siġġu lil Adrian Delia.
Filwaqt li ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u spjega kollox, Debono xorta waħda mhux se jaċċetta s-siġġu Parlamentari.