Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal mas-sit illum.com.mt li hu kien lest jivvota kontra Jean Pierre Debono fil-Parlament.
Said qal dan meta mistoqsi mis-sit illum.com.mt dwar x'inhu "l-pass li jmiss," li fuq il-midja soċjali qal li kien qiegħed jikkunsidra.
Id-Deputat insista li bħala Deputat Għawdxi kien lest li jivvota favur l-interessi tal-Għawdxin u għalhekk kien lest biex fil-Parlament jivvota kontra li Jean Pierre Debono jieħu l-post tal-eks Deputat Għawdxi David Stellini.
Dan is-sit għamel ukoll kuntatt maż-żewġ Deputati l-oħra Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista.
Frederick Azzopardi qal li ma xtaqx jikkummenta fuq din il-kwistjoni filwaqt li sal-ħin tal-pubblikazzjoni dan is-sit għad ma għandux tweġiba mingħand Marthese Portelli.
Madanakollu, l-informazzjoni li għandu dan is-sit kienet li d-Deputati kollha Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista kienu determinati li jivvutaw kontra l-co-option ta' Jean Pierre Debono.
X'ġara fil-PN fl-aħħar ġimgħa?
Wara r-riżenja tad-Deputat David Stellini fil-Parlament, biex jirritorna fix-xogħol tiegħu fi Brussell, qamu l-irwiefen kollha fil-Partit Nazzjonalista.
Diversi Deputati riedu li post Stellini jieħdu l-kandidat Għawdxi Kevin Cutajar biex, fi kliemhom, is-siġġu jibqa' għand l-Għawdxin.
Madanakollu, meta nhar is-Sibt li għadda sar il-vot fil-Kumitat Eżekuttiv, b'żewġ voti biss, intgħażel Jean Pierre Debono li kien ċeda s-siġġu lil Adrian Delia.
Iżda s-sitwazzjoni kkumplikat ruħha meta l-eks President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut allega li kien hemm persuni li ma kellhomx jivvutaw fl-Eżekuttiv u li, għal xi raġuni jew oħra, isimhom deher fil-lista.
Id-Deputat Jason Azzopardi saħansitra allega li kien Jean Pierre Debono stess li bagħbas din il-lista biex fiha kien hemm inkluż David Stellini u t-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista David Camilleri.
Jean Pierre Debono ċaħad l-allegazzjonijiet kollha f'ittra li bagħat lil Adrian Delia u li fiha infurmah ukoll li ma kienx se jaċċetta s-siġġu Parlamentari.
Aktar tard, it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li ċaħad li vvota b'qerq, irriżenja wkoll mill-kariga tiegħu.
Intant, dan il-vot spiċċa wkoll quddiem il-Qorti hekk kif żewġ votanti Għawdxin ressqu protest ġudizzjarju kontra l-Partit Nazzjonalista jisħqu li l-vot kien wieħed null.