Il-gazzetta ILLUM tista' tikkonferma li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qiegħed isejjaħ għad-Deputati Nazzjonalisti biex jiltaqa' magħhom f'laqgħat separati.
Deputat u sors tal-gazzetta u s-sit ILLUM, qal ma' dan is-sit li diversi Deputati diġà ssejħu għal dawn il-laqgħat, inkluż illum stess.
Mistoqsi jekk Delia hux se jiltaqa' mal-Membri Parlamentari kollha, id-Deputat sors qal li jaf b'ħames Deputati li ssejħu għal dawn il-laqgħat.
Madanakollu ma jidhirx li dawn il-laqgħat qed iħallu l-frott mixtieq.
L-istess Deputat qal li wieħed minn sħabu d-Deputati qallu li "ħela siegħa minn ħajtu waqt il-laqgħa."
Skont dan id-Deputat, Delia qed jinjora l-problemi fil-Partit Nazzjonalista u qed jisħaq mad-Deputati li l-uniku soluzzjoni li teżisti bħalissa hija li d-Deputati kollha jiġbdu ħabel wieħed.