Sitt għaqdiet volontarji ffirmaw ftehim sabiex jirċievu total ta’ €84,488.51 mill-Fond ta’ Ko-finanzjament għall-Għaqdiet Volontarji, li hu amministrat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE), wara li temmew numru ta’ proġetti f’oqsma differenti b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Waqt il-preżentazzjoni tal-fondi, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima rringrazzja lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet volontarji għall-ħidma importanti li jwettqu f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li l-gvern huwa mpenjat li jkompli jgħin lis-settur volontarju biex iwettaq aktar ġid fis-soċjetà.Hu tenna li l-fondi tal-UE għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-ħidma tal-NGOs.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar il-ħtieġa li niggwidaw aktar lill-benefiċjarji lejn diversi programmi ta’ finanzjament Ewropew skont l-intervent tal-proġett. Il-Fond ta’ Ko-finanzjament huwa intenzjonat biex jgħin lill-NGOs jaċċessaw aktar opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Illum, dawn l-għaqdiet volontarji rċevew ukoll l-ewwel parti tas-somma, mifruxa fuq sitt proġetti. Barra minn hekk, kien hemm tliet proġetti oħra implimentati minn żewġ għaqdiet u li ntemmu b’suċċess, u għalhekk irċevew it-tieni pagament dovut lilhom ma’tmiem il-proġett. Riżultat ta’ dan, sitt għaqdiet volontarji rċevew total ta’ €53,433.96 mifruxin fuq disa’ proġetti.
Meta NGO tapplika għal fondi Ewropej, din tkun obbligata li toħroġ persentaġġ mill-ispejjeż tal-proġett. Diversi entitajiet ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex jagħmlu dan u minħabba f’hekk ikollhom diffikultà jaċċessaw dawn il-fondi. Għalhekk,il-fond tal-gvern jgħin lill-NGOs ikopru l-impenn finanzjarju marbut ma’ proġetti tal-UE.
Il-Fond ta’ Ko-finanzjament għandu baġit ta’ €150,000 fis-sena u jippermetti li tingħata għajnuna lil madwar 20 proġett kull sena. Il-fond qiegħed fuq sejħa kontinwa, għalhekk il-benefiċjarji jistgħu japplikaw matul is-sena għall-finanzjament. Mill-2018 lil hawn, l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet qed issir perjodikament sabiex l-NGOs jingħataw tweġiba dwar l-applikazzjoni tagħhom f’perjodu ta’ żmien aċċettabbli. Minn Ġunju tal-2017, il-benefiċjarji saru eliġibbli għal 100% tal-finanzjament sa massimu ta’ €15,000 għal kull proġett. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu fi kwalunkwe stadju tal-impjantazzjoni tal-programm, kif ukoll wara li proġetti jkunu tlestew.
L-organizzazzjonijiet volontarji li rċevew il-fondi llum huma: KOPIN – Kooperazzjoni Internazzjonali – Malta (erba’ proġetti), KURA Association (proġett wieħed), Church School Association (proġett wieħed), Malta Red Cross (proġett wieħed), Friends of the Earth u Għajnsielem Red Coats (proġett wieħed).