Puli jisfida lill-membri tal-Eżekuttiv dwar jekk jaħsbux li għandu jirriżenja
... jidher iżda li kulħadd baqa' sieket
minn Yendrick Cioffi
Minkejja l-ippuntar tas-swaba’ u l-akkużi fuq il-Facebook u mal-ġurnalisti, meta sfidati mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli ħadd ma fetaħ ħalqu dwar jekk jaħsbux li dan għandux jirreżenja jew le.
Din il-gazzetta tinsab infurmata illi waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv li saret ġimgħa ilu u li fiha kien hemm ħafna battibekki, Puli staqsa lil dawk kollha preżenti jekk hemmx xi ħadd li jaħseb illi għandu jirriżenja mill-kariga wara telfiet kbar li sofra l-PN.
Sorsi fl-Eżekuttiv stess qalu lill-ILLUM illi r-risposta ta’ dawk preżenti nkluż kritiċi tiegħu, minn wara dahru, ma qalu xejn.
Mal-ILLUM diversi Deputati kienu waħħlu f’Puli għas-sitwazzjoni tal-PN u qalu illi dan huwa bniedem li kollox, bilfors irid jgħaddi minn taħt idejh, kienu ddeskrivewh bħala ‘control freak’. Wara l-elezzjoni uffiċjali tal-PN li huma qrib il-Kap tal-PN Adrian Delia saħansitra sostnew illi qed isiru manuvri biex jitneħħa Puli.
Mal-ewwel opportunità iżda ħadd ma sfida lis-Segretarju Ġenerali. It-terminu ta’ Puli mistenni jintemm f’Novembru, għalkemm probabilment jerġa’ jitfa’ ismu biex ikun ikkonfermat mill-ġdid.
Minkejja diversi attentati din il-gazzetta ma setgħetx tagħmel kuntatt ma’ Puli. Mistoqsija mibgħuta lilu baqgħet mhux imwieġba sakemm morna għall-pubblikazzjoni.
‘Lanqas tgħaddilna minn moħħna li naqsmu l-partit’
Intant minkejja xnigħat persistenti, Deputati Nazzjonalisti insistew mal-gazzetta ILLUM li ma għandhom l-ebda intenzjoni li jaqsmu l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, anke jekk uħud minnhom qalu ċar u tond li ma għandhomx fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni wara xnigħat li hemm Deputati li jridu li jinfirdu mill-Grupp Parlamentari mmexxi minn Adrian Delia u filwaqt li jibqgħu fil-Parlament ipoġġu taħt il-kappa tal-Forza Nazzjonali.
Madanakollu, Deputati, anke jekk saħqu mal-ILLUM li ma għandhomx fiduċja f’Adrian Delia, insistew għal darba darbtejn li ma jaslu qatt li jaqsmu l-Grupp Parlamentari.
“Dik hija xi ħaġa li jrid Joseph Muscat u l-Partit Laburista. Qatt, qatt u qatt mhu se naslu nagħmlu xi ħaġa hekk. Lanqas tgħaddilna minn moħħna,” saħaq wieħed mid-Deputati waqt li insista li din il-possibbilità qatt ma ġiet diskussa bejn id-Deputati.
Insistew ukoll li wara l-aħħar telfiet elettorali kbar li ġarrab il-Partit Nazzjonalista hemm xewqa kbira u kważi kważi urġenza li l-Oppożizzjoni tqum fuq saqajha u tissaħħaħ waqt li saħqu li qasma fil-Grupp Parlamentari żgur li mhijiex is-soluzzjoni.
Wieħed mid-Deputati li tkellem ma’ din il-gazzetta u li ma tantx jara għajn m’għajn mal-Kap Nazzjonalista, saħansitra qal li lanqas vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia ma jridu li jagħmlu, għax fi kliemu, anke dan jista’ jagħmel aktar ħsara milli ġid.
“Aħna rridu li tirbaħ ir-raġuni u li jirriżenja minn jeddu,” insista l-istess Membru Parlamentari. “Jekk jagħmel hekk tkun qed tirbaħ ir-raġuni u ma ssirx iżjed ħsara.”
Mhumiex lesti jinvokaw l-istatut biex ikeċċu Deputati
Din il-gazzetta tinsab informata wkoll li jeżisti provediment fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista li bih jistgħu jitkeċċew id-deputati Nazzjonalisti tal-fazzjoni kontra Delia u li qegħdin kontinwament jaħdmu biex jimminaw u jqaċċtu lill-Kap tal-Oppożizzjoni ’l barra mid-Dar Ċentrali. Skont sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM, dan huwa l-istess providiment li kien se jintuża fil-konfront ta’ deputati li fil-passat qabżu l-linji gwida tal-Partit fosthom Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono.
Minkejja dan, skont is-sorsi huwa ċar li Delia u ta’ madwaru ma jridux li jinvokaw dan il-provediment, hekk kif huma jinsabu mqanqlin biex jgħaqqdu l-partit u l-grupp parlamentari Nazzjonalista mill-aktar fis possibbli.