Ir-raba' vapur tal-Gozo Channel wasal Malta u rmonka minnufih fiċ-Ċirkewwa.
Il-vapur, bl-isem ta' Nikolaos jesa' 160 vettura u 650 passiġġier.
Meta kienet żaret il-vapur, Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kien qalet kif biż-żieda ta’ dan il-vapur se jkun hemm tibdil ukoll fil-ħinijiet tal-iskeda tal-vapur biex b’hekk ikunu aktar frekwenti.
Dan għaliex flok b'żewġ vapuri l-iskeda se tiġi operata bi tliet vapuri filwaqt li vapur ieħor se jkun iddedikat għal vetturi kummerċjali.
Kienet spjegat ukoll kif inħasset il-ħtieġa li jiżdied ir-raba' vapur għax id-domanda għal Għawdex dejjem qed tiżdied.
"Iż-żieda ta’ vapur ieħor se toffri faċilità lill-kumpanija biex tippjana aħjar u ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-vapuri l-oħra mingħajr ma jiżdied l-inkonvenjent lil dawk li ta’ kuljum jużaw is-servizz tal-Gozo Channel”, kienet saħqet il-Ministru Caruana.
Intant, ma kinitx naqset il-kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni, partikolarment mid-Deputat Chris Said li kien żvela kif il-vapur għandu 32 sena.
Kien ikkritika wkoll lill-Gvern għax fi kliemu, il-vapur inkera b' dak li jissejjaħ 'wet lease' jigifieri bl-ekwipaġġ b' kollox u kien iddeskriva dan bħala insult għall-ħaddiema Għawdxin.