'Ħa mmur għax-xogħol' - Muscat meta mistoqsi dwar il-futur tiegħu f'Malta

Muscat qal ukoll li Malta se tkun qed tappoġġja l-kandidatura ta' Frans Timmermans għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea

“Ħa mmur għax-xogħol għax għandi appuntament.” Hekk wieġeb il-Prim Ministru Joseph Muscat meta dalgħodu kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-futur tiegħu f’Malta.

Huwa kważi kważi sigriet magħruf li Joseph Muscat qed ifittex jew inkella qiegħed jissemma biex jimla’ xi kariga importanti fl-Unjoni Ewropea u dan hekk kif bħalissa għaddejin in-negozjati kumplessi biex dan jinbidlu.

Madanakollu, mistoqsi mill-ġurnalist tal-MaltaToday, Muscat daħak u wieġeb biss li se jmur għax-xogħol għax kellu appuntament ieħor jistennih.

Muscat wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara laqgħa li kellu mal-membri tal-MUESAC.

Il-Prim Ministru qal ukoll li Malta se tkun qed tappoġġja n-nominazzjoni ta’ Frans Timmerans, li huwa l-kandidat tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għall-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Aktar qabel, waqt il-laqgħa, Muscat stess saħaq li l-għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq l-isem iżda fuq il-viżjoni li l-persuna jkollha għall-ħames snin li ġejjin.

Minkejja li l-Partit Popolari Ewropew baqa’ l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea indikaw li mhux se jkunu qed jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Manfred Weber għall-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiltaqgħu f’summit aktar tard dan ix-xahar bil-għan li jiddiskutu u possibbilment jiddeċiedu dwar karigi importanti.

Muscat faħħar il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar ħames snin immexxija minn Jean Claude Juncker u insista li l-Kummissjoni l-ġdida se jkollha sfidi ġodda quddiemha.

Fost dawn, Muscat semma kif il-Kummissjoni Ewropea se jkollha l-irwol li tmexxi negozjati kruċjali dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea anke fid-dawl ta’ Brexit.

Bla dubju ta’ xejn, kompla jisħaq Muscat, l-isfida tal-immigrazzjoni għandha tibqa’ fuq nett tal-aġenda tal-Kummissjoni l-ġdida.

More in Politika