Il-President ta’ Malta George Vella se jkun qed jagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu barra minn Malta biex jattendi u jindirizza l-konferenza annwali ta’ livell għoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol f’Ġinevra, l-Iżvizzera fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mit-twaqqif tagħha.
It-tema magħżula mill-ILO għal din is-sena se tkun ‘Il-Futur tax-Xogħol’, u għal din il-konferenza mistennija jattendu diversi mexxejja minn madwar id-dinja.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Ġinevra, il-President Vella se jkollu wkoll laqgħat ma’ diversi dinjitarji għolja f’istituzzjonijet tal-Ġnus Magħquda.
Wara dan l-impenn, il-President se jżur l-Olanda fejn se jkun il-mistieden ewlieni tal-Forum Dinji għall-Kultura tal-Paċi li se jsir fil-Palazz tal-Paċi, f’The Hague, l-Olanda.
Il-President Vella se jkun qed jagħmel id-diskors tal-ftuħ ta’ dan il-forum li għalih se jattendu bosta kapijiet ta’ stat u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
Waqt li se jkun l-Olanda, il-President Vella se jieħu l-opportunità li jiltaqa’ wkoll mal-komunità Maltija.