Mario u Sophia se jkunu qed jassiguraw li l-pazjenti jingħataw il-mediċina preċiża, fl-inqas ħin possibbli u mingħajr ħela.
B’investiment ta’ €12-il miljun mis-settur privat, fl-isptar Mater Dei tnieda dan il-proġett ta’ tqassim ta’ mediċina permezz ta’ robots.
Ir-robot Mario u s-sistema Sophia se jkunu qed jgħinu lill-ispiżjara tal-isptar u anke lit-tobba u l-infermiera, fit-tqassim tal-mediċina.
Fil-fatt, din is-sistema, apparti d-dożi se tkun qed tikkordina wkoll il-ħinijiet li fihom iridu jingħataw il-mediċini.
“Dan ir-robot se jkun qed iwassal il-mediċina fil-pront għand il-pazjent u jelimina l-possibilità ta’ żbalji umani,” saħaq id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Bħalissa, din is-sistema tinsab fuq bażi ta’ dimostrazzjoni biex it-tobba, l-infermiera u l-ispiżjara jitgħallmu jużawha, bit-tir huwa li sa sentejn oħra 17 minn dawn ir-robots ikunu installati fis-swali.