Aktar minn 750 applikazzjoni f'siegħa għall-iskema ‘Irrestawra Darek’

F'siegħa din l-iskema ttieħdet kollha 

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg spjega kif f’temp ta’ siegħa, l-iskema ‘Irrestawra Darek’ ittieħdet mill-pubbliku.

Illum kienet il-ġurnata uffiċjali tal-ftuħ ta’ din l-iskema, u fl-ewwel siegħa, l-Awtorità tal-Ippjanar irċeciet aktar minn 750 sottomissjoni onlajn b'talbiet li jammontaw għal aktar minn €8 miljun.

Għalhekk, għal din is-sena l-iskema hija uffiċjalment magħluqa għar-residenzi privati f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana u f’binjiet residenzjali skedati fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad

“Huwa l-akbar sodisfazzjon meta tara lill-pubbliku jipparteċipa fl-inizjattivi li qegħdin inħejju u noħolqu favur Malta dejjem aħjar. Dan ifisser li fuq medda ta’ tliet snin ser inkunu investejna €23 miljun favur il-konservazzjoni tal-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna. Dan huwa sinjal ċar, sinjal li l-poplu jixtieq jinvesti fil-proprjetà tiegħu u sinjal li rridu nkomplu naħdmu flimkien biex nirrijabilitaw il-wirt kulturali li jagħmilna uniċi fid-dinja,” qal il-Ministru Borg.

Sadanittant, l-Awtorità għadha qed taċċetta s-sottomissjonijiet għar-restawr u l-konservazzjoni tal-istreetscapes, kategorija ġdida li għandha €1 miljun riservat għaliha u li qed tħares lejn applikazzjonijiet li bħala mira għandhom il-konservazzjoni ta’ residenzi li jagħmlu parti minn triq waħda u unika.

S’issa, l-Awtorità diġà rċiviet 12-il sottomissjoni ta’ dan it-tip.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius spjega kif fl-aħħar sentejn, din l-iskema għenet lil aktar minn 1,700 resident.

“Sodisfatti li naraw aktar familji Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn dawn l-inizjattivi tant pożittivi li tħejji l-Awtorità tal-Ippjanar, u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu naraw it-toroq Maltin jisbieħu b’faċċati miżmuma u kkonservati. Il-gvern se jibqa’ impenjat li jkompli jagħti għajnuna ta’ dan it-tip lil dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna,” saħaq Agius.

More in Politika