Fi stqarrija ppubblikata dalgħodu l-Partit Nazzjonalista sostna li jaqbel mad-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ li jiġi sospiż b'mod immedjat ix-xogħol ta' skavar u twaqqigħ.
"Il-Partit Nazzjonalista juri s-solidarjetà mar-residenti kollha, kemm dawk involuti kif ukoll ma' dawk kollha li qed isir xogħol ta' skavar u demolizzjoni maġenb il-propjetà tagħhom. Il-PN kaqbel li permessi ta' demolizzjoni u skavar għandhom jiġu sospiżi b'mod temporanju immedjatament."
Żied jgħid li, "sfortunatament, dawn in-nuqqasijiet qegħdin jaffetwaw b'mod negattiv il-ħajja ta' kuljum ta' diversi residenti u fl-istess ħin siti ta' kostruzzjoni mhux ikunu siguri għal dawk li l-ħobża ta' kuljum tagħhom tiddependi minn dan ix-xogħol," u li "l-Gvern irid jerfa' r-responsabbiltà tiegħu wkoll u jara li barra li jkun hemm taħriġ kontinwu adegwat lil kull min hu involut f'dan is-settur, minn professjonisti sa ħaddiema tal-id, irid isir liċenzjar u ċertifikazzjoni tal-persuni li jipprovdu servizzi relatati mal-industrija kif ukoll jiġu mtejjba l-prattiċi dwar l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni tas-siti tal-kostruzzjoni," qalet l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista qalwkoll li, l-Oppożizzjoni lesta taħdem id f'id mal-Gvern sabiex flimkien mal-partijiet interessati kollha f'dan is-settur sabiex, "jiġi mwaqqaf qafas ta' regoli li jirregolaw darba għal dejjem l-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll biex l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni titwaqqaf u tibda tiffunzjona b'mod tajjeb u effettiv."