Tinżamm arrestata it-tfajla ta’ Jordan Azzopardi

It-tfajla ta’ Jordan Azzopardi qed tkun akkużata li ppruvat ixxaħħam xhud

Dalgħodu l-Qorti ordnat lit-tfajla tal-baruni tad-droga Jordan Azzopardi tinżamm taħt arrest fid-dawl tal-akkużi ġodda fil-konfront tagħha.

Ftit ġimgħat ilu t-tfajla ta’ Azzopardi kienet diġà inħelset mill-arrest iżda ilbieraħ hi sabet ruħha lura fl-iżbarra wara li eks impjegat tal-istess Azzopardi xehed fil-Qorti li t-tfajla ta’ Azzopardi ċemplet u offrietlu €20,000 biex jigdeb taħt ġurament. Allegatament it-tfajla offriet, €10,000 qabel u €10,000 wara li huwa jkun ta x-xhieda tiegħu fil-każ ta’ Azzopardi.

Illum fil-Qorti, it-tfajla residenta ġewwa l-Madliena wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. L-avukat tagħha, Franco Debono, talab il-ħelsin mill-arrest għall-mara, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li din kienet diġà ngħatat il-ħelsin mill-arrest.

Wara li semmgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsin mill-arrest.

Jordan Azzopardi ta’ 29 sena qiegħed jkun mixli b’madwar 15 il-akkuża fosthom traffikar tad-droga eroina, kokaina u kannabis, it-tfajla tiegħu reġgħet spiċċat arrestata wara li allegatament hi ppruvat ixxaħħam xhud b’pagament ta’ €20,000. Il-każ mistenni jkompli fi żmien ġimgħatejn.

 

 

More in Politika