Laqgħa taħraq tal-Eżekuttiv; Delia se jippreżenta lid-Deputati b'sett ta' proposti

Adrian Delia jisħaq li lbieraħ ħadd ma qallu biex jirriżenja

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia mistenni jippreżenta lill-Grupp Parlamentari sett ta' għaxar proposti li fi kliemu l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn biex jimxi 'l quddiem.

Delia qal dan lill-ġurnalisti wara li ntemmet il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li waslet biex wieħed mill-aktar persuni viċin Delia, Pierre Portelli, jirriżenja minn Chairperson Eżekuttiv ta' Media.link Commications.

Huwa u jwieġeb il-mistoqsijiet wara li ntlaqa' minn ċapċip u l-għajjat ta' "Adrian, Adrian" minn xi partitarji li nġabru biex jagħtuh l-appoġġ, Delia spjega kif dawn il-proposti jisħqu fuq il-bżonn ta' involviment akbar taż-żgħażagħ, tad-Deputati u tas-soċjetà ċivili fost oħrajn.

Intant, diversi rapporti qed jgħidu li waqt il-laqgħa tal-bieraħ instema' ħafna għajjat fid-Dar Ċentrali. Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan u jekk intalabx jirriżenja, Delia qal li ħadd ma talbu biex jagħmel dan.

Mistoqsi wkoll jekk hux minnu li Deputati tawh ultimatum, Adrian Delia qal li mhux se jikkummenta dwar dak li jiġri fil-Grupp Parlamentari waqt li insista li min joħroġ informazzjoni interna jkun qed jiżbalja.

More in Politika