Ftit wara li ħabbar li rriżenja hu u ħiereġ mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli kkritika lid-Deputat Jason Azzopardi u appellalu biex jikkontrolla ftit is-swaba' tiegħu minn fuq il-midja soċjali.
Waqt li tkellem dwar il-midja soċjali u l-mod kif tintuża mill-Maltin, inkluż Deputati, Portelli insista li ma jistax jifhem kif din tista' tintuża biex wieħed "jispara" fuq settur sempliċiment għax huwa responsabbli minn settur differenti.
"Ma naqqasx mill-validità u l-moħħ legali eċċezzjonali tiegħu," saħaq Portelli b'referenza għal Jason Azzopardi. "Min jaf kemm se jfaqqa' posts wara li jara din."
Kien hawn "bħala ħabib" appellalu biex jikkontrolla ftit.
Mistoqsi jekk dan ifissirx li Azzopardi għandu jitlaq jekk ma jibqa' ma jsibx postu ma' Delia, Portelli saħaq li huwa stramb kif f'mumenti partikolari, Jason Azzopardi kien fost l-aktar Deputati viċin il-Kap Nazzjonalista.
"Morru araw il-kawżi li fetaħ Adrian. Dan dejjem sab l-appoġġ tiegħu. Wara Adrian quddiem il-Qorti jagħti b'rasu waqt li jitkellem Adrian ... imbagħad jiġri xi ħaġa u jispara," saħar Pierre Portelli.
Fi kliemu, Jason Azzopardi huwa eżempju "ta kif ma għandnix inkunu," għax fi kliemu l-PN ma jaffordjax li jitlef aktar imħuħ.
"Ħażin li l-PN jitlef moħħ legali bħal ta' Jason Azzopardi iżda Jason Azzopardi jeħtieġ li jgħin lilu nnifsu wkoll," saħaq Portelli.
'Għamel bħat tfal' - Portelli dwar Mark Anthony Sammut
Apparti minn Azzopardi, Portelli tkellem ukoll dwar l-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv, Mark Anthony Sammut u ddeskrivih bħala persuna li weġġgħu personalment.
Filwaqt li saħaq li jaċċetta għalfejn Sammut irriżenja insista li żbalja meta għamel ġimgħa jattakka l-partit fuq il-midja.
Fi kliem Portelli, fil-PN hemm persuni li jridu li jkun hemm post vakant għall-Kap mingħajr ma jafu xi jridu jew inkella lil min jixtiequ jieħu post Adrian Delia waqt li insista li l-Partit ma jiflaħx jerġa' jgħaddi minn proċess għall-għażla ta' Kap ġdid.
'Il-Grupp Parlamentari maqsum fi tliet gruppi'
Ma waqafx hemm. Portelli insista li ma jiflaħx jara aktar nies bilqiegħda fl-istess eżekuttiv, jibgħatu l-messaġġi dwar dak li jkun għaddej.
Fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista nħakem minn grupp ta' nies li jitilfu r-raġuni meta iffaċjati b'ċertu suġġetti.
Kien hawn li qal li l-Grupp Parlamentari huwa maqsum fi tliet gruppi, jiġifieri dawk favur Delia, dawk li ma jridux jafu bih u l-akbar grupp, li fi kliemu jpoġġu l-partit qabel kollox.
Dan l-aħħar grupp, saħaq Portelli, għadu mhux konvint jekk għandux jittieħed vot ta' sfiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni.