Residenti, NGOs u tliet Kunsilli Lokali laqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li l-permess għall-proġett tal-Grupp db ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ ġie revokat mill-Qorti tal-Appell, b’reazzjoni għall-azzjoni legali li kienu rreġistraw huma stess.
Aktar kmieni llum, il-Qorti tal-Appell sabet li Matthew Pace, membru tal-Bord tal-Ippjanar, kellu kunflitt ta’ interess hekk kif il-kumpanija tiegħu kienet qed tbiegħ partijiet minn dan l-iżvilupp saħansitra qabel ma kien maħruġ il-permess.
"Dan kien każ twil, mill-ewwel laqgħat mal-grupp ewlieni tar-residenti konċernati, għal-laqgħa pubblika biex tiġi diskussa mal-komunità d-direzzjoni li se tittieħed, għal-laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar fejn kellu jinbidel il-post fejn saret minħabba l-interess qawwi li ntwera fiha mill-poplu, u mbagħad għat-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, fejn appellajna kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar, u fl-aħħar għall-Qorti tal-Appell," tfakkar fi stqarrija konġunta mibgħuta mill-Moviment Graffitti.
L-istqarrija tfaħħar lir-residenti ta’ Pembrok talli "qamu u semmgħu leħinhom."
"Meta raw li saħħithom u l-kwalità tal-ħajja tagħhom kienu mhedda, li l-prospetti għall-futur tagħhom kienu se jiġu midfunin ħajjin, ma ċedewx, minkejja li kienu qed jiffaċċjaw ostakli kbar," kompliet l-istqarrija. "Nixtiequ nirrikonoxxu wkoll il-kontribut siewi tat-tliet Kunsilli Lokali – ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan u tas-Swieqi – li warrbu kull interess partiġġjan u ġġieldu għall-benesseri tal-komunitajiet tagħhom."
Faħħru wkoll lit-tim ta’ avukati u periti magħmul minn Claire Bonello, Ian Vella Galea u Malcolm Mifsud, u l-Periti Tara Cassar u John Ebejer.
Din l-azzjoni legali kienet reġistrata minn
- Tliet Kunsilli Lokali – ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan u tas-Swieqi i
- Erba’ NGOs: Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth Malta
- Disa’ residenti