Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-gazzetta ILLUM irrapportat dwar kif tifla ta’ ħames snin tħalliet waħedha, fis-6.30am, tistenna quddiem l-iskola biex tiftaħ, illum tista’ tikkonferma li skejjel privati u tal-Knisja jkollhom iħallsu jekk jitolbu pulizija biex joqogħdu għassa fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ.
Patri Charles Mallia, li jmexxi s-Segretarjat tal-Kurja għall-Edukazzjoni Nisranija u li allura huwa responsabbli mill-iskejjel tal-Knisja, spjega mal-gazzetta ILLUM kif minkejja li dan is-servizz kien intalab, sal-lum għadu ma sar xejn.
Fil-fatt, Patri Charles spjega mal-ILLUM kif personalment kien tkellem dwar dan mal-Kummissarju tal-Pulizija li fi kliemu kien deher kommess li jgħin biex anke l-iskejjel privati u tal-Knisja jingħataw dan is-servizz.
“Iżda qatt ma wasalna mkien,” saħaq Patri Charles.
Mistoqsi jekk dan ifissirx li l-iskejjel tal-Knisja jkollhom iħallsu jekk jitolbu li jkun hemm Pulizija għassa mal-iskejjel fil-ħinijiet li l-istudenti jaslu u anke meta jiġu biex imorru lura d-dar, Patri Charles wieġeb fil-pożittiv.
Intant, din il-gazzetta bagħtet tistaqsi lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u anke lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex jikkonfermaw din l-informazzjoni u jekk hemmx pjanijiet biex dan is-servizz ikun jista’ jingħata b’xejn l-iskejjel kollha.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni talabna ngħaddu l-mistoqsijiet tagħna lill-Korp tal-Pulizija. Sal-ħin li morna għall-pubblikazzjoni konna għadna ma rċevejna ebda tweġiba.
Mill-banda l-oħra, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, li taħt ir-responsabbilità tiegħu jaqa’ l-Korp, għażel li jiffoka t-tweġiba tiegħu fuq it-traffiku u insista kif apparti mill-iskejjel tal-Istat, “il-Pulizija jikkontrollaw it-traffiku viċin skejjel oħra biex ma jkunx hemm ksur tal-liġi u inkonvenjent għal terzi.”
Il-Ministeru ma weġibx jekk hux minnu li skejjel privati u tal-Knisja jkollhom iħallsu jekk jitolbu li jkun hemm pulizija għassa u jekk hemmx pjan biex dan is-servizz jibda jingħata lill-iskejjel kollha.