Regoli ġodda għat-twaqqigħ u l-iskavar ... X'se jfissru għalik?
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li r-regoli ġodda li daħlu fis-seħħ biex jonqos il-periklu waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u skavar
minn Yendrick Cioffi
Wara l-inċidenti tal-aħħar xaharejn li raw tliet binjiet jew partijiet minnhom jiġġarfu, iil-Gvern daħħal sett ta' regoli ġodda bil-għan li tiżdied is-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni, bini u residenti li jgħixu fil-viċin
B’mod partikolari, dawn jassiguraw li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u skavar isiru b’tali mod li ma jkunux ta’ periklu kemm għall-ħaddiema u anke għal persuni terzi.
Is-site manager irid ikun perit jew persuna li jagħżel il-perit
Il-manager tas-sit se jibqa’ responsabbli mill-metodu li jkun stabbilit biex bih isir ix-xogħol ta’ skavar. Fil-fatt, il-liġi se tibqa’ tesiġi li kull żviluppatur jaħtar site manager u dan apparti l-perit.
“Is-site manager jassumi r-responsabbilità li jara li dak li jipproponi l-perit bħala metodu ta’ twaqqigħ u skavar jiġi implimentat,” jisħqu r-regoli l-ġodda.
Għalhekk is-site manager irid ikun jew il-perit stess, inkella perit ieħor jew persuna kompetenti li jkollha l-fiduċja tal-perit.
Minn issa ' il-manager tas-sit irid ikun preżenti fuq is-sit kull meta jkunu se jittieħdu deċiżjonijiet fis-sit dwar l-andament tax-xogħol, il-ħarsien tad-dritijiet tar-residenti li joqogħdu fil-viċin u anke l-kwalità tax-xogħol.
Fil-fatt, qabel ma jibdew ix-xogħlijiet, is-site manager irid jiffirma dak magħruf bħala l-method statement, jiġifieri l-mod kif għandu jsir ix-xogħol u jiddikjara li hu se jerfa’ r-responsabbilità.
Jekk jinnota kwalunkwe ksur ta’ regolamenti, il-manager tas-sit se jkun obbligat li jinnotifika lill-Builing Regulations Office (BRO) u anke lill-perit.
Apparti minn hekk, meta l-manager tas-sit ikun innotifikat b’avviż ta’ infurzar, minnufih għandu jinforma lill-kuntrattur u lill-periti kkonċernati u jassigura li x-xogħlijiet kollha ta’ twaqqigħ, skavar jew kostruzzjoni jieqaf.
Il-polza tal-assigurazzjoni se titla’ għal €750,000
Skont l-Avviż Legali kif kien, il-polza tal-assigurazzjoni ma setgħetx tkun inqas minn €500,000, iżda issa li daw l-emendi jidħlu fis-seħħ, il-polza tal-assigurazzjoni trid tkun tlaħħaq is-€750,000.
Apparti minn hekk, din il-kopertura trid tiġi mġedda sa dak iż-żmien meta kull xogħol ta’ twaqqigħ, skavar jew kostruzzjoni jiġu ċċertifikati bħala kompleti mill-perit inkarigat mill-proġett.
L-istruzzjonijiet tal-metodu jridu jinkludu studji oħra
Qabel ir-regoli l-ġodda, il-perit ried jissottometti dak li jissejjaħ bħala method statement li jservi bħala linji gwida dwar kif għandhom isiru xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar.
Minkejja dan, ma kien hemm xejn li jispeċifika li qabel jibda t-tħaffir irid isir ukoll dak magħruf bħala l-geotechnical study, tant li ħafna drabi l-method statement isir mingħajr ma jkun ġie investigat il-pedament.
Issa, bir-regoli l-ġodda, il-method statement irid ikun jinkludi l-geotechnical design report ukoll.
Il-perit li jaħdem fuqu jrid jassumi r-responsabbilità tal-kontenut u l-implimentazzjoni tiegħu waqt li jiċċertifika l-pedamenti.
Il-manager tas-sit irid jiffirma wkoll dan l-istatement u fih iridu jingħataw id-dettalji ta’ kull kuntrattur responsabbli mit-twaqqigħ, l-iskavar u l-kostruzzjoni.
X’għandu jinkludi l-geotechnical design report?
Skont ir-regoli l-ġodda, il-geotechnical design report għandu jsir, jekk ikun hemm bżonn, wara li jsiru l-istudji ġeoloġiċi dwar is-sit tal-kostruzzjoni u ż-żoni biswit.
Fil-fatt, f’dan ir-rapport, il-perit irid jara minn qabel, fost affarijiet oħra, it-tip ta’ blat, il-ġeometrija tiegħu, jekk għandux fissuri, kemm hu b’saħħtu u anke kif qed iżomm u jserraħ il-bini tal-madwar.
Wara li jagħmel din l-analiżi, il-perit ikun jista’ jindika eżattament it-tip ta’ makkinarju li jista’ jintuża u miżuri li jkun hemm bżonn li jittieħdu waqt li jkun qed isir l-iskavar.
“Spiċċa ż-żmien li jintuża makkinarju bħal trenchers bl-amment għax wieħed jaħseb li dan ma jikkawżax ħsara ... Qabel trid issir analiżi tal-blat.”
Il-method statement se jkun online...
Imma x’jiswa li jkollok method statement meta mhux kulħadd ikun jaf x’suppost qed isir?
Ir-regoli jaħsbu wkoll għal dan ukoll hekk kif issa l-perit ser ikun obbligat li jpoġġi l-method statement fuq sit elettroniku ġimagħtejn qabel jibdew ix-xogħlijiet.
Dan ifisser li residenti li jkunu joqogħdu biswit sit ta’ kostruzzjoni se jkunu jistgħu jitolbu waqfien mix-xogħol jekk ix-xogħlijiet ma jkunux qed isegwu l-method statement li issa se jkollhom aċċess għalih.
Apparti minn hekk, il-perit irid jibgħat il-condition reports lir-residenti ġimagħtejn qabel jibdew ix-xogħlijiet.
Liema xogħlijiet huma eżenti minn method statement?
Qabel ir-regoli l-ġodda, xogħlijiet ta’ skavar, fosthom ta’ trinek, li huma inqas minn 1.5 metri fondi, alterazzjonijiet strutturali interni u esterni, anke tneħħija ta’ ħitan u kostruzzjoni ta’ ħitan jew bdil ta’ soqfa li t-total tal-ispiża ma jaqbiżx it-€30,000, kienu eżenti minn method statement u garanzija bankarja.
Bir-regoli l-ġodda, hi kemm hi l-ispiża, se jkunu eżenti biss dawk l-interventi strutturali li jkunu ċċertifikati minn perit li mhux se jaffetwaw bini ta’ terzi.
Multi akbar biex jiżdied id-deterrent...
Qabel dawn ir-regoli, il-multi kienu:
- Massimu ta’ €500 għal min ma josservax ir-regolamenti marbuta mal-method statement
- Massimu ta’ €1,200 għal min jinjora avviż biex jieqfu x-xogħlijiet
Bir-regoli l-ġodda, il-multi se jitilgħu għal:
- €10,000 għal min ma josservax ir-regolamenti marbuta mal-method statement
- €50,000 għal min jinjora avviż biex jieqfu x-xogħlijiet