L-MDA tisħaq dwar il-bżonn li jitwaqqaf Kunsill dwar l-Iżvilupp

...fost oħrajn dan ikun jilliċenzja l-kuntratturi li jwaqqgħu l-bini u li jagħmlu xogħol ta’ skavar

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżiluppaturi saħqet li s-settur tal-kostruzzjoni għandu bżonn bidla “immedjata u radikali” li tkun tinkludi t-twaqqif ta’ Kunsill dwar l-Iżvilupp li fost affarijiet oħra jilliċenzja l-kuntratturi li jwaqqgħu l-bini u li jagħmlu xogħol ta’ skavar.

Fi stqarrija, l-MDA saħqet li dawn ir-responsabbilitajiet għadhom mhux irregolati bl-ebda mod u kulħadd, kemm jekk ikklasifikat u anke jekk le, jista’ jieħu kuntratti ta’ dan ix-xogħol.

Apparti minn hekk, tkompli tisħaq l-assoċjazzjoni, jeħtieġ li jkun hemm reġistru tal-iżviluppaturi professjonali, xi ħaġa li l-MDA ilha snin tipproponi.

Dwar l-Avviż Legali ppubblikat ilbieraħ b’regolamentazzjoni ġodda dwar xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar, l-MDA qalet li dawn joffru ftit ta’ serħan il-moħħ, għax qabel, sidien jew żviluppaturi setgħu jagħżlu lil min iridu, kompetenti u anke jekk le, biex iwettqu x-xogħlijiet, anke jekk kontra l-parir tal-perit.

L-MDA  saħqet ukoll kif filwaqt li taqbel li l-maniġer tas-sit ikun persuna kkwalifikata, insistiet li dawn ma għandux neċessarjament ikun perit.

L-istqarrija temmet tgħid li bl-ebda mod, l-Avviż Legali, ma jimplika li s-settur tal-kostruzzjoni għandu jieqaf u għalhekk l-MDA se tkun qed issejjaħ laqgħa ta’ informazzjoni għall-kuntratturi, l-iżviluppaturi u l-bennejja f’Malta u Għawdex.

More in Politika