Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ħatar lil Louis Galea bħala President tal-AŻAD, organu tal-partit li joffru tagħlim u formazzjoni politika.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li Galea aċċetta din il-kariga.
Bħala President tal-AŻAD, Louis Galea se jkun qed imexxi r-riforma politika fil-partit, kariga mogħtija lil Galea fuq proposta ta' Adrian Delia u li sabet appoġġ sħiħ mill-Eżekuttiv tal-partit.
Delia offra dan l-inkarigu lil Galea waqt laqgħa li kellu miegħu llum u li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli.
Intant, f'ittra mibgħuta lil Delia, Galea infurmah li qed jaċċetta l-inkarigu li jmexxi riforma politika fil-Partit Nazzjonalista waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ malajr kemm jista' jkun li jsib l-għaqda.
Galea insista li se jkun qed jiltaqa' mal-Kumitat Sezzjonali u l-Friegħi tal-Partit Nazzjonalista. Qal li se jkun qed jiskeda dawn il-laqgħat u se jippreżenta lista llum stess lis-Segreterija tal-Partit Nazzjonalista.
Tenna l-impenn tiegħu li jaħdem għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista kollu u għalhekk wiegħed li se jkun imparzjali u indipendenti.