Sal-aħħar sena, id-distretti kollha tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex se jkollhom vetturi ġodda bil-għan li jkunu jistgħu joffru servizz aħjar, saħaq il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Il-Kummissarju kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew inawgurati 50 vettura ġdida tal-Pulizija.
Dan l-investiment, kompla l-Kummissarju tal-Pulizija, ikompli mal-investiment li sar f’Jannar li għadda meta ġew inawgurati 15-il mutur ġdid u anke x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’numru ta’ għases.
Apparti dawn il-vetturi, ġew ordnati wkoll 24 karozza oħra, bi 12 minnhom għaddej ix-xogħol fuqhom biex ikunu jistgħu jintużaw bħala vetturi tal-Pulizija.
‘Sa ftit ilu, il-vetturi l-ġodda kienu jingħataw lill-fergħat speċjalizzati tal-Korp u eventwalment, meta jkunu waslu biex jinbidlu, kienu jgħaddu għand il-Pulizija fid-distretti,” saħaq Cutajar. “Dan se jispiċċa u d-distretti se jkollhom l-għodda kollha li għandhom bżonn.”
Il-Kummissarju saħaq li l-Korp qiegħed isegwi pjan ta’ seba’ snin li se jkun qed jara l-Korp jimmodernizza l-flotta tiegħu b’aktar minn 400 vettura.
Dwar l-uniformijiet il-ġodda tal-Pulizija, il-Kummissarju qal li se jkunu qed jitħabbru żviluppi ġodda dalwaqt.
Inawgurati wkoll tmien segways
Apparti l-vetturi ġodda, ġew inawgurati wkoll tmien segways.
Cutajar saħaq li dawn is-segways qed ikunu effettivi ħafna biex ikunu miġġielda ċertu reati, fosthom il-pickpocketing.
Qal li bis-saħħa tagħhom, il-Pulizija qed jaslu fuq il-post fejn ikun sar rapport f’inqas ħin u l-fatt li huma silenzjużi jgħinu wkoll lill-Pulizija fix-xogħol tagħhom.
Żewġ segways se jkunu stazzjonati l-Belt, b’Tas-Sliema, San Ġiljan, il-Qawra, ir-Rabat Għawdex u Wied il-Għajn kollha se jirċievu wieħed
‘Qed tiżdied ukoll ir-riżorsa umana fil-Korp’
Min-naħa tiegħu, il-Minstru għall-Intern Michael Farrugia qal li l-investiment imħabbar illum huwa parti minn proċess biex jissaħħu l-forzi ta’ dixxiplina.
Saħaq li apparti investiment li jidher, qed isir ukoll investiment fir-riżorsa umana u anke fit-taħriġ tal-Pulizija.
Fi kliemu, dan huwa essenzjali meta l-Pulizija jridu jlaħħqu ma’ ċirkostanzi u anke sfidi oħra frott iż-żieda fl-popolazzjoni.