Jammetti li t-terapija tal-konverżjoni wasslet biex diversi nies għamlu suwiċidju

Raġel li kien imexxi soċjetà li tipprova "tbiddel" persuna omosesswali għal eterosesswali issa jammetti l-ħsara kbira li għamel u jitlob maħfra

McKrae Game
McKrae Game

Il-giddieb għomru qasir jgħidu! Fil-fatt il-fundatur tal-akbar soċjetà li kienet tgħid li tfejjaq persuni omosesswali issa qal li hu omosesswali hu stess filwaqt li saħansitra ammetta l-ħsara kbira li l-organizzazzjoni li ħoloq kienet qed tagħmel lil bosta nies, uħud minnhom li wettqu suwiċidju.

McKrae Game waqqaf il-Hope for Wholeness, soċjeta li twettaq terapija ta' konverżjoni f'South Carolina fl-1999 u qatta' kważi 20 sena jipprova "jfejjaq" persuni LGBTIQ, biex mingħalih jagħmilhom eterosesswali. Imma fl-aħħar jiem hu ammetta li kellu żball. 

"Kelli żball, aħfruli," qal. "Ċertament jiddispjaċini fejn għamilt il-ħsara. Naf li l-organizzazzjoni kienet qed tagħmel ħafna ħsara." 

"Naf nies li għamlu suwiċidju minħabba fija u t-tagħlim tiegħi u l-ideali tiegħi. Għidt lin-nies li se jmorru l-infern jekk ma jiqfux ... huwa kollu passat issa, imma wisq nies għadhom jaħsbu li hemm xi ħaġa ħażina bihom infushom u li huwa ħażin li persuna tgħix bħala LGBTIQ."

Huwa kompla jgħid li dan iċ-ċiklu ta' swat lilek innifsek u kundanna lilek innifsek irid tieqaf. "Qed toqtol lin-nies. Itgħallmu l-imħabba u itgħallmu tħobbu lil xulxin u lilkom infuskom," sostna.  

Din it-terapija biex persuna "tbiddel is-sesswalità" ilha f'nofs kontroversja minħabba ħsara kbira li tagħmel, psikoloġikament. F'Malta din il-prattika ġiet ipprojbita fl-ewwel leġiżlatura ta' Gvern Laburista, għall-oppożizzjoni ta' xi wħud inkluż tal-Knisja, li qalu illi jekk persuna tmurx għat-terapija għandha tkun għażla tagħha jew fil-każ ta' persuni taħt it-18-il sena, tal-ġenituri.   

More in Politika