Aġġornata | 'Jekk ma niqfulhomx b'kull mezz possibbli se jibqgħu għaddejjin minn fuqna'
Mijiet ta' nies fil-Belt Valletta jipprotestaw kontra żvilupp ta' kostruzzjoni u l-istat tal-ambjent madwar il-pajjiż ... Andrè Callus jisħaq illi huwa l-poplu li jista' jwaqqaf l-arroganza ta' dawk fil-poter
minn Albert Gauci Cunningham / Liam Carter
Mijiet ta’ nies irħewlha lejn il-Belt Valletta fejn qed jgħidu ‘ż-żejjed kollu żejjed’ għal dak li qed isejħu kostruzzjoni bla kontroll madwar ħafna mill-pajjiż, fl-ambitu wkoll ta’ proġetti ta’ twessigħ ta’ toroq madwar il-pajjiż li raw ħafna siġar maqlugħin. Il-Gvern dejjem isostni li dawn se jkunu kollha mibdulin b'oħrajn jew imħawlin post ieħor.
Dawk li qed jipprotestaw qed jesiġu sitt punti mingħand l-awtoritajiet: bidla fil-politika tal-ippjanar, moratorju fuq proġetti ta' skala kbira sakemm ikun introdott pjan komprensiv, ir-ristrutturar tal-bords tal-awtorità responsabbli mill-ippjanar u l-ambjent, ir-rikonsiderazzjoni ta' proġetti ta' twessigħ ta' toroq u l-ipprijoritizzar tas-saħħa tal-poplu.
Meta kien qiegħed jindirizza l-folla, li qal illi kienet ta' 3,000 persuna, Andre Callus sostna illi jekk "jekk ma niqfulhomx b'kull mezz possibbli se jibqgħu għaddejjin minn fuqna. Dan għadu biss l-bidu, mhux se nieqfu hawn. Dan il-moviment se jkompli jikber."
Tenna li huwa l-poplu biss li jista' jwaqqaf ir-regħba u l-arroganza ta' dawk fil-poter.
'Qed jieħdu deċiżjonijiet fl-interess tal-flus, mhux tal-poplu' - Wayne Flask
Fid-diskors tiegħu l-attivist Wayne Flask sostna illi "l-istat għandu jħares u jippreserva l-ambjent u jindirizza l-problemi tat-tniggis. M'iniex qed nikkwota minn stejjer fittizji iżda mill-kostituzzjoni ta' Malta."
"Id-dmir tagħhom," kompla jgħid Flask, "mhumiex jagħmluh għaliex qed jieħdu deċiżjonijiet fl-interess tal-flus, mhux tal-poplu."
Kompla jinsisti li ħadd mill-Partit Nazzjonalista jew Partit Laburista mhu se jxellef difrejh man-nies li jwasslu għal din il-qerda, "ħadd minnhom mhu se jirrevedi l-policies li qed ikomplu jħassru l-ambjent."
Ilmenta wkoll dwar it-twessigħ tat-toroq u d-diversi proġetti infrastrutturali li kaġun tagħhom qed tintuża art agrikola. "Filwaqt li madwarna qed jaqgħu d-djar, lil Sandro tawh is-setgħa li jirregolarizza lilu nnifsu. Ħadd ma jrid jiqaflu lil Sandro."
Flask, għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti, sostna illi d-dnubiet ta' wieħed ma jaħfrux tal-ieħor. "It-tnejn li intom ħatja. Dawk li min għalihom se jużaw din il-protesta bħala trampolin politiku se jsibu ħajt iebes," temm jisħaq Wayne Flask.
'Siġra waħda, f'Malta għandha valur prezzjuż ... ' - Mark Sultana
Mark Sultana, f'isem il-Bird Life qal li bħala għaqda kellhom obbligu li jsemmgħu leħinhom il-Belt.
Spjega kif Malta huwa wieħed mill-aktar postijiet mibnijin fl-Ewropa u għalhekk siġra waħda għandha valur aktar prezzjuż f'pajjiżna.
"Dan huwa l-kuntest tagħna, kif nistgħu l-aktar ħaġa importanti f'pajjiżna, l-Awtorità tal-Ippjanar, tiffunzjona ħażin? "staqsa Sultana.
Temm jgħid li l-partiti politiċi huma bla sinsla u mhumiex kapaċi jieħdu deċiżjoni fl-aqwa interess tal-poplu.
'L-Awtorità tal-Ippjanar suppost tipproteġi l-patrimonju ...' - Ingram Bondin
Ingram Bondin mir-Ramblers Association, qal illi f'dan il-pajjiż l-iżviluppatur jagħmel li jrid. Hu qal illi suppost l-Awtorità tal-Ippjanar f'pajjiż iċċivilizzat, qiegħda hemm biex tipproteġi l-patrimonju tagħna.
Sonya Tanti, f'isem grupp ta' residenti li qegħdin jopponu l-iżvilupp tal-grupp db f'Pembroke, qalet li dan il-proġett massiċċ huwa theddida għal-lokalità, apparti li qed jeqred il-kwalitajiet uniċi ta' Pembroke.
'Qed ngħixu fl-2019 iżda qisna pajjiż tat-tielet dinja...' - Anthea Brincat
Anthea Brincat, waħda mill-persuni affettwati mit-tiġrif ta' bini f'Gwardamangia rrakkontat l-episodju xokkanti ta' meta waqgħet il-binja tagħhom. Fakkret li milquta wkoll f'din il-binja kien hemm pensjonanti, single parents u tfal.
"Il-perit, l-iżviluppatur u l-kuntrattur għandhom aktar poter minn sid id-dar u tħallew jagħmlu ix-xogħol. Jagħmlu xogħlijiet u lanqas tkun infurmata, tlabna l-informazzjoni u ma tawna xejn. Saħansitra spiċċajna misruqa," qalet Brincat għall-għajjat ta' 'shame', 'shame'.
Tkellmet ukoll dwar kif xogħol ta' skavar jinsab għaddej, minkejja li suppost qed ikun hemm site technical officer. "Fuq is-sit tal-BRO hemm tlieta rreġistrati u qed jippruvaw ilaħħqu ma' dan ix-xogħol kollu. Din hija kriżi nazzjonali u l-awtoritajiet iridu jqisuha bħala problema nazzjonali."
Brincat imbagħad sostniet li "qed ngħixu fis-sena 2019 iżda qisna pajjiż tat-tielet dinja."
Fl-aħħar nett, hi appellat sabiex dawk li għandhom l-poter jieħdu d-deċiżjonijiet minn aspett uman għaliex dawn l-istess deċiżjonijiet għandhom toqol kbir.
'Tajjeb li niżirgħu s-siġar f'Ta' Qali ... aħna rriduhom f'żoni urbani' - Steve Zammit Lupi
Min-naħa tiegħu Steve Zammit Lupi, Kunsillier indipendenti fil-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ saħaq li l-partiġjanizmu politiku sar tossiku u li għalhekk ħareġ bħala kandidat indipendenti. "Tajjeb li niżirgħu siġar f 'Ta Qali u Kemmuna iżda aħna rriduhom fiż-żoni urbani," qal waqt li saħaq illi l-Kunsill Lokali m'għandhomx ikunu estensjoni tal-partiti politiċi iżda tarka għar-residenti.
Gruppi li rreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom ivarjaw minn NGOs ambjentali u residenti minn lokalitajiet bħaż-Żejtun, Pembroke, Wied il-Għajn, Ħ’Attard, il-Pietà u Ħaż-Żebbuġ, sa għaqdiet kulturali, tad-drittijiet umani u tal-istudenti. Dawn jinkludu l-Moviment Grafitti, li fil-fatt organizzat il-protesta, Din l-Art Ħelwa, MGRM, Flimkien għal Ambjent Aħjar u bosta oħrajn.
Għal din l-attività l-organizzaturi għamluha ċara sabiex politikanti taż-żewġ naħat ma jattendux f'din id-dimostrazzjoni.