Matul il-jumejn li ġejjin Malta se tkun qed tilqa’ laqgħat dwar l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni globali dwar id-dimensja, liema pjan ta’ azzjoni qed ikun imbuttat 'il quddiem mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.
Waqt l-ewwel konferenza li ġiet organizzata, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis saħaq li d-dimenja ma tistax tintrebaħ biss minn pajjiż wieħed, iżda jeħtieġ ikun hemm kollaborazzjoni fuq livell globali.
Agius Decelis fakkar kif f’Malta diġà jeżisti pjan nazzjonali għall-ġlieda kontra d-dimenja bil-għan tiegħu ikun li jtejjeb il-ħajja ta’ dawk l-individwi affettwati u anke l-familji tagħhom.
Huwa insista li Malta tinsab kommessa li tippromwovi d-drittijiet, id-dinjità u anke l-awtonomija tal-persuni bid-dimensja tant li anke ġew introdotti liġijiet li jiġġieldu l-abbuż.
Dr Khalid Saeed, mill-WHO irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-ħidma tiegħu biex setgħet tittella’ din il-konferenza.