Ħmistax-il organizzazzjoni li jaħdmu fil-qasam soċjali ħarġu stqarrija konġunta biex jisħqu li huma ddiżappuntati li l-Malta Developers Association (MDA) u l-Partit Nazzjonalista (PN) qed jippruvaw ineħħu numru ta’ obbligi bażiċi tas-sidien tal-kera li qegħdin fl-abbozz tal-ligi dwar il-kera.
L-NGOs kienu laqgħu l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ drittijiet u obbligi bażiċi għall-inkwilini u għas-sidien tal-kera, anke jekk saħqu li l-abbozz jindirizza biss marġinalment l-predominanza ta’ kuntratti qosra li jwasslu għall-instabbilità.
Kienu saħqu wkoll li ma jindirizzax l-ikbar problema li hemm f’dan il-qasam, dik ta’ prezzijiet kbar tal-kera.
“L-organizzazzjonijiet jinsabu perplessi li issa l-MDA u l-PN jidhru li qed jissuġġerixxu li jridu li dawn l-obbligi bażiċi imposti mill-abbozz fuq is-sidien tal-kera jitneħħew. Regoli simili jinsabu kważi fil-pajjiżi kollha Ewropej,” saħqu l-NGOs.
Huma saħqu li dawn l-obbligi istipulaw regoli ta’ diċenza bażika bħall-obbligu li jiġu rreġistrati kuntratti li jinkludi inventarju u l-ammont ta’ flus li jkun ġie depożitat, jippermettu aċċess lill-inkwilin għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li, qabel jiskadi l-kuntratt, is-sidien tal-kera jinfurmaw lill-inkwilin jekk hux se jġeddu l-kuntratt jew le.
“Min jopponi dawn ir-regoli jkun qed jiddefendi l-istatus quo ta’ nuqqas ta’ regolamentazzjoni totali li qed ipoġġi eluf ta’ nies f’Malta f’sitwazzjoni estremament prekarja u li tolqot l-aktar lil dawk li għandhom pagi baxxi jew medji, lill-pensjonanti, u persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bħal nisa vittmi ta’ vjolenza domestika,” saħqu l-għaqdiet.
Huma fakkru li l-abbozz li ġie ppreżentat fil-Parlament huwa bbażat fuq ir-registrazzjoni tal-kuntratti mal-Awtorità tad-Djar u għalhekk qed jisħqu li jekk l-Awtorità tad-Djar jitneħħilha l-poter li tivverifika li persuna hija fil-fatt residenti fi propjetà (kif jidher li qed jissuġġerixxu l-MDA u l-PN) l-abbozz kollu kemm hu “jispiċċa kważi inutli għax is-sidien ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin kif inhuma bħalissa, jikru mingħajr kuntratti jew b’kuntratti irregolari li ma jiġux irreġistrati.”
Insistew li “t-theddid” mill-MDA li s-sidien tal-kera se jneħħu l-propjetà tagħhom mis-suq tal-kera huwa “biss paroli fil-vojt,” għax, fi kliemhom, jekk dan l-abbozz isir liġi, dan bl-ebda mod ma hu se jżomm lis-sidien tal-kera milli jagħmlu profitti kbar mill-propjetajiet mikrija.
Il-ħmistax-il għaqda li ffirmaw din l-istqarrija huma:
- Alleanza Kontra l-Faqar
- Forum Komunitá Bormliża
- Għaqda għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Paċi
- Integra Foundation
- Isles of the Left
- Malta Gay Rights Movement
- Malta Humanist Association
- Malta Tenant Support
- Men Against Violence
- Millennium Chapel
- Moviment Graffitti
- SOS Malta
- Spark 15
- Women’s Rights Foundation
- Żminijietna – Voice of the Left