Għadd ta’ attivisti nġabru dalgħodu fil-Baċir Numru 1 f’Bormla biex jipprotestaw kontra l-proposta għall-estensjoni tal-Università Amerikana.
Rebecca Cremona, f’isem “Azzjoni: Tuna Artna Lura” saħqet li ma tistax tifhem kif il-parir li ngħata dwar l-applikazzjoni tal-Università Amerikana huwa biex din tiġi approvata, waqt il-laqgħa ta’ nhar il-Ħamis li ġej.
Hija saħqet li l-estenjoni tal-Università Amerikana fil-Baċir Numru 1 u anke fil-parkeġġ fi Triq San Pawl huma ta’ detriment għall-Kottonera u anke għall-Patrimonju Nazzjonali.
Dwar id-dormitorju, propost fil-parkeġġ fi Triq San Pawl, l-attivisti qed jisħqu li dan se jkun qed jgħatti s-swar tad-daħla tal-Isla filwaqt li ż-żewġ proġetti se jkunu qed jieħdu żoni miftuħa għar-residenti tal-Kottonera.
Apparti minn hekk, kompliet tisħaq Cremona, il-proġett propost se jkollu impatt ħażin fuq l-ambjent urban, fosthom għax, fi kliemha, dan jikser numru ta’ proviżjonijet tal-ippjanar għaż-żona u l-madwar.
“Tmien snin ilu, grupp ta’ żgħażagħ mill-Kottonera għamlu stqarrija pubblika dwar in-nuqqas ta’ spazju miftuħ fiż-żona. L-istqarrija tagħhom intlaqgħet tajjeb mill-komunità kollha. Ir-riġenerazzjoni tal-baċir għandha tkun pass ‘il quddiem u mhux lura,” saħqu l-attivisti.
Kelliema għal Flimkien għal Ambjent Aħjar saħqet ukoll li l-estensjoni tal-Università Amerikana tikser diversi policies li l-għan tagħhom huma li jżiedu l-ispazji miftuħa.
Il-protesta kienet organizzata minn: Azzjoni: Tuna Artna Lura, Din l-Art Ħelwa, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Forum Komunità Bormliża, Futur Ambjent Wieħed, International Tree Foundation [Malta], Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, The Ramblers Association of Malta, Żminijietna - Voice of the Left.
L-ILLUM ilha żmien tirrapporta u ssemma leħen ir-residenti tal-Kottonera dwar dan il-proġett: