Helana Dalli b'wirja tajba fil-Parlament Ewropew ... mhux mistennijin intoppi biex tkun ikkonfermata

Kif mistenni l-ewwel mistoqsijiet lil Dalli trattaw il-kwistjonijiet tal-Panama u l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Helena Dalli
Helena Dalli

Helena Dalli tat wirja pjuttost tajba fil-Parlament Ewropew hekk kif ħafna drabi dehret kalma u konċiża fir-risposti tagħha lill-MEPs preżenti. Dalli, eks Ministru tal-Ugwaljanza u Affarijiet Ewropej kienet mfaħħra talli żammet mal-ħin, talli wieġbet ħafna mill-mistoqsijiet b'mod sodisfaċenti, talli semmiet diversi minoranzi ewropej li qed ibatu fosthom ir-Roma u għax-xogħol tagħha fil-qasam tal-libertajiet ċivili.

Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit sostnew illi Dalli tat wirja tajjeb biżżejjed biex tkun ikkonfermata. 

Fid-diskors tal-ftuħ tagħha fil-Parlament Ewropew illum l-eks Ministru Helena Dalli wieġbet illi ma taqbilx mal-ftuħ ta' kumpaniji fil-Panama mill-eks kollegi tagħha fil-Kabinett . "Le ma naqbilx ma' dak li għamlu u kont nagħmel l-affarijiet b'mod differenti," qalet Helena Dalli għall-mistoqsija dwar il-ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama mill-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri. 

Minkejja li għal xi mumenti dehret eċitata u se tinfixel, f'ħafna mill-ħin Dalli tat risposti konċiżi u ċari

Għall-ewwel mistoqsija, li kif kien mistenni kienet dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Dalli fakkret fil-ħidma tal-pulizija internazzjonali, fosthom tal-FBI, fl-assasinju ta' Caruana Galizia. "Kien hemm progress sinjifikanti," fakkret. "F'50 jum ġew arrestati tlieta minn nies," qalet Dalli li wegħdet illi se tagħmel minn kollox biex tipproteġi l-libertà tal-espressjoni u lil midja. Din ir-risposta reġgħet tatha lil MEP oħra li staqsiet ukoll dwar dan il-qtil li seħħ fl-2017.

Fil-ftuħ tas-sessjoni li trattat il-kandidatura tagħha qalet illi qatt ma ħasbet li settur "li ddedikajt ħajti għalih se niddiskutieh magħkom biex navvanza l-portafoll fuq livell Ewropew." Kompliet billi użat kliem Joseph Muscat, "dak li jgħaqqadna huwa ferm akbar minn dak li jifridna,"qabel imbagħad dawret il-lingwa għall-Ingliż.

"Il-ġlieda tal-bidla mhux lesta," qalet Dalli li sostniet li dan għandu jkun is-seklu tal-ugwaljanza. "L-ugwajanza hija kwistjoni Ewropea daqs kemm hi l-bidla fil-klima," qalet, waqt li kkwotat diversi ċifri dwar xogħol, ir-responsabilitajiet li ġġorr mara, diskriminazzjoni kontra Musulmani, il-faqar fost il-grupp Roma, persuni aktar anzjani li jkollhom inqas offerti ta' xogħol, operazzjonijiet fuq tfal intersex u oħrajn.

Hi qalet li tinsab kuntenta li t-tfal illum qed jaraw il-mudelli kollha tal-familja fl-edukazzjoni li qed jingħataw. "Mhux biss, anke otba b'nisa li qed jagħmlu rebħiet fis-soċjetà li jgħaddu l-messaġġ li mara tista' tkun xjentista, bħal ma jistgħu jkunu l-irġiel, li jkissru l-isterjotip."

David Casa jistaqsi ... 

Intant l-MEP Malti David Casa staqsa fuq id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja. Dalli rringrazzjat lil Casa u wegħdet li se tgħin lill-pajjiżi u stati membri biex jimplimentaw din id-direttiva, li tara illi jkun hemm bilanċ ekwu u ġust bejn il-ħajja tax-xogħol ta' ħaddiem u l-ħin liberu tiegħu. Casa fil-fatt kien qed imexxi l-grupp li ħadem biex seta' jippreżenta din l-istess direttiva.

"Jekk jiena inkun konfermata nagħmel l-almu biex ngħin fuq din id-direttiva," qalet Dalli. 

Naturalment Casa staqsa wkoll dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri u l-kontijiet fil-Panama. Staqsa hi x'se tagħmel u jekk temminx li m'għandux ikun hemm liġi għall-annimali u oħra għall-allat. Dalli qalet li hi dejjem ħadmet għas-saltna tad-dritt u d-demokrazija . Qalet ukoll lil Casa li hu jaf it-track rekord tagħha. 

Dalli qalet illi jekk issir Kummissarju se tmur f'dawk il-pajjiżi kollha li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul li titratta l-vjlolenza domestika biex tħeġġiġhom jirratifikaw. 

Fuq persuni LGBTIQ sostniet li l-ambjent li qed jinħoloq f'Malta huwa ta' aktar drittijiet u aktar għajnuna lill-familji ta' persuni LGBTIQ. "Irridu nimxu 'l quddiem," qalet Dalli, issa f'referenza għall-ħidma fl-Ewropa.

Alex Agius Saliba jistaqsi ...

Intant, tkellem u staqsa wkoll l-MEP Malti Alex Agius Saliba li beda billi wera' l-kburija tiegħu illi Dalli mexxiet dik li sejjaħ rivoluzzjoni f'pajjiżna f'dak li għandu x'jaqsam drittijiet ċivili. Staqsa jekk id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja tistax tkun mwessa', b'Dalli twieġeb illi filwaqt li dan jista' jsir, fl-ewwel żmien se tara, qabel kollox, illi din id-direttiva tkun implimentata.

Dakalli wegħdet illi l-ewwel post li se żżur huwa raħal ta' persuni Roman li ddeskriviet bħala l-aktar nies fl-UE illi ssir diskrimiazzjoni kontrihom. 

 

 

More in Politika