L-Uffiċċju tal-Ombudsman appella lill-Infrastructure Malta biex tippubblika l-pjanti kollha għat-twessigħ tat-toroq fis-Swieqi, waqt li insista li dan il-proġett huwa wieħed nazzjonali u ta’ importanza kbira.
F’ittra lill-Aġenzija tal-Gvern, l-Ombudsman appella biex dawn ikunu ppubblikati mill-aktar fis possibbli “f’ġieħ it-trasparenza u l-protezzjoni tad-drittijiet ambjentali”.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman qed jagħti ċans lill-Infrastructure Malta sal-10 ta’ Ottubru.
Infrastructure Malta kienet saħqet li mhux qed tippubblika l-pjanti minħabba li hemm dokumenti neċessarji li għadhom mhux konklużi, madanakollu, l-Ombudsman insista li din ir-raġuni mhijiex biżżejjed biex “pjanijiet jinżammu mistura mill-pubbliku.”
L-Ombudsman saħaq ukoll li mhuwiex ġust li l-pubbliku jingħata ftit jiem biss biex iressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-proġett tħabbar f’Mejju li għadda u saret konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan għall-bini ta’ erba’ mini u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant’Andrija.
Il-Kandidat Indipendenti Arnold Cassola kien kiteb lill-Ombudsmanfil-11 ta’ Settembru biex jinvestiga għaliex l-Aġenzija qed “tostor” informazzjoni mill-pubbliku.