Sal-aħħar tas-sena se tidħol fis-seħħ il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal
Il-Ministru Michael Falzon qal li din se tkompli ssaħħaħ il-fostering f'Malta
minn Yendrick Cioffi
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal se tidhol fis-seħħ.
Huwa qal dan meta kien qed jindirizza l-ewwel konferenza nazzjonali dwar il-‘fostering’.
Michael Falzon stqarr li l-ewwel preferenza hija li t-tfal li ma jistgħux jgħixu mal-ġenituri bioloġiċi tagħhom imorru għall-‘fostering’, biex jitrabbew fl-aħjar ambjent naturali possibli.
Insista, li b’din il-liġi, se jkun hemm l-istrutturi kollha f’posthom biex hekk titwettaq id-differenza.
Il-Ministru Michael Falzon għamilha ċara li għalkemm jifhem li l-‘fostering’ huwa suġġett sensittiv u emozzjonali, bħala Ministru ma jistax jindaħal jew jiddeċiedi dwar il-futur tat-tfal għax dak huwa xogħol il-professjonisti.
Filfatt, dawn tal-aħħar ingħataw aktar awtorità sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu fl-aħjar interess tat-tfal.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern se jkun qed jaġġorna l-politika tiegħu u jsaħħaħ l-għajnuna finanzjarja biex l-interess tat-tfal jibqa’ jiġi l-ewwel u qabel kollox
Muscat qal li issa li l-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal għaddiet mill-istadji kollha, u se tibda tkun ta’ soluzzjoni f’każijiet fejn persuni ilhom jiffosterjaw tfal għal dawn l-aħħar snin.
Huwa fakkar kif, permezz ta’ dawn il-bidliet, se jkun qed jiqsar il-perjodu li matulhu l-‘carers’ jistgħu jifforsterjaw tfal, hekk kif dan niżel għal żmien ta’ ħames snin.
Filwaqt li f’każijiet ċari fejn m’hemm ‘l ebda ħjiel li t-tfal jistgħu jmorru lura mal-familja bioloġika tagħhom, dan isir biss jekk ikun hemm tliet rapporti pożittivi flimkien ma’ proċess rigoruż.
Il-Prim Ministru semma wkoll kif il-gvern żied l-allokazzjoni finanzjajra għall-foster carers b’40%, b’dawn il-pagamenti ikomplu jingħataw għal kull wild sal-età ta’ 21 sena.
Dan qed isir b’investiment ta’ €1,200,000 fis-sena, u li minnhom qed igawdu 182 familja li qed jiffosterjaw.
Intant, permezz ta’ ftehimiet soċjali, jibbenefikaw ukoll dawk id-djar residenzjali li fihom hemm tfal li ma baqgħux jgħixu mal-ġenituri naturali tagħhom.
Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti, fejn qal li l-‘fostering’ f’pajjiżna huwa preparat għall-livell li jmiss grazzi ghat-taħriġ kontinwu li qed jingħata kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-foster carers.