'L-uniku sogħba li għandu Konrad Mizzi hija li nqabad' - Delia
Delia kien qed jirreferi għall-kummenti ta' Mizzi meta qal li qatt ma jmessu fetaħ il-kumpanija fil-Panama
More in Politika
Delia kien qed jirreferi għall-kummenti ta' Mizzi meta qal li qatt ma jmessu fetaħ il-kumpanija fil-Panama
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, saħaq li l-uniku sogħba li għandu Konrad Mizzi hija li nqabad.
Waqt intervista fuq l-istazzjoni tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia rrefera għall-kummenti ta’ Mizzi meta qal li issa li jista’ jħares lura, jirrealizza li qatt ma messu fetaħ il-kumpanija fil-Panama.
“Bl-aġir tiegħu u bl-appoġġ ta' Joseph Muscat, li baqa' jirrifjuta li jneħħieh, ir-reputazzjoni tajba ta' pajjiżna ngħatat daqqa ta' ħarta. Konrad Mizzi jmissu ilu li telaq,” insista Delia.
Qaleb id-diskors biex jakkuża lill-Gvern mhu qed jagħmel xejn biex jindirizza l-isfida li qed jiffaċjaw koppji żgħażagħ li mhux qed isibu proprjetajiet affordabbli.
Irrefera għal studju ppreżentat mill-KPMG, ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvillupaturi u li juri kif il-proprjetajiet residenzjali qed issir inqas affordabbli.
Huwa saħaq li l-indiċi tal-affordabbilità reġa’ niżel għat-tieni sena konsekkutiva u dwar dan il-Gvern mhu qed jagħmel xejn.
Insista li wara seba’ snin fil-Gvern, ma bena l-ebda akkomodazzjoni soċjali
Tkellem dwar dik li sejħilha l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista biex il-ġid li jinħoloq jitgawda minn kulħadd.
“Il-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan qed toħloq diffikultajiet f’numru kbir ta’ setturi. Kuljum qed jiżdiedu n-numru ta’ nies fix-xifer tal-faqar u qed dejjem jiżdied in-numru ta’ pensjonanti li l-pensjoni ma twassalhomx sal-aħħar tax-xahar,” insista l-Kap Nazjonalista. “Il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali qegħdin dejjem jiżdiedu filwaqt li l-pagi jibqgħu baxxi.”
Insista li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid ibiddel dan u saħaq li dan huwa rifless fid-dokument ta’ qabel il-baġit li ppreżenta.
Dwar l-edukazzjoni, Deli qal li l-għalliema huma demotivati minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u anke għax il-Gvern irid li jagħmel tajjeb, għan-nuqqas ta' għalliema, bl-importazzjoni ta' għalliema barranin.
Saħaq li l-PN fil-gvern jinvesti bis-serjetà fil-professjoni filwaqt li jiddedika aktar riżorsi għar-riċerka fl-edukazzjoni.