Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Għalliema iżda filwaqt li rringrazzjat lill-edukaturi kollha saħqet li dan is-settur huwa minsi mil-awtoritajiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE, Graham Sansone saħaq li ma jistax jifhem kif il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li ma hemmx nuqqas ta’ għalliema, meta l-edukaturi qed ikunu sfurzati jieħu responsabbilitajiet żejda biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ edukaturi.
Huwa akkuża lill-Ministru li huwa maqtugħ ir-realtà, waqt li fakkar li l-Ministru Evarist Bartoli rrikonoxxa li hemm inqas għalliema milli meħtieġ.
Preżenti għall-konferenza li saret ilbieraħ kien hemm id-Direttur tal-Unjin għall-Iskejjel tal-Knisja, Rita Catania u anke George Debono responsabbli mil-finanzi.
Sansona rringrazzja lill-edukaturi kollha għax-xogħol li jwettu, anke jekk insista li xogħolhom mhux dejjem ikun apprezzat mill-pubbliku inġenerali u l-awtoritajiet.
Huwa kkritika wkoll is-sistema tas-superviżjoni fuq it-traport tal-iskejjel, għax fi kliemu, l-għalliema u l-LSEs spiċċaw b’aktar responsabbilitajiet.
“Morna l-Ministeru iżda kulma sibna kienu bibien magħluqa. Mhux jirrikonoxxu l-problemi,” saħaq Sansone.
Tkellem aktar fid-dettall dwar ix-xogħol tal-għalliema waqt li saħaq li ħafna drabi dawn qed jispiċċaw joħorġu l-flus minn buthom biex jixtru dak li jkollhom bżonn għal-lezzjonijiet.
Huwa spjega kif uħud mill-għalliema qed jirċievu allowance għal dan, iżda għalliema oħra, partikolarment is-supply teachers, huma eskużi, fejn saħansitra qal li hemm sitwazzjonijiet fejn l-LSEs ġieli jitħallsu aktar mis-supply teachers.
Kompla jisħaq kif dawn li għadhom qed jirċievu t-taħriġ qed ikunu trattati b’mod prekarju, jitħallsu €11.75fis-siegħa u bla leave jew sickleave.
“Tal-mistħija,” saħaq Sansone.
Il-Unjin qed tipproponi li Kumitat għandu jkun magħżul biex jindirizza n-nuqqas tal-għalliema u l-isfidi l-oħra f’dan is-settur.
Aktar tard, il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), ħarġet stqarrija wkoll li fiha tkellmet dwar in-nuqqas ta’ rispett lejn l-għalliema iżda insistiet ukoll li s-sigurtà fl-iskejjel hija wkoll kwistjoni ewlenija li jeħtieġ tiġi indirizzata.