'Stud iva. Imsielet le' - Il-Ministru Bartolo jagħlaq għajn waħda
Wara l-kontroversja li qamet fuq id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar l-imsielet, il-Ministru Bartolo jiċċara
More in Politika
Wara l-kontroversja li qamet fuq id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar l-imsielet, il-Ministru Bartolo jiċċara
L-imsielet fuq it-tfal tal-iskola spiċċaw f’nofs kontroversja, iżda l-Ministru Evarist Bartolo għalaq għajn waħda u llum saħaq li ma għandu xejn kontra li l-istudenti jitħallew jilbsu stud (buttun) li ma jkunx perikoluż.
Madanakollu, imsielet oħra, se jibqgħu ma jistgħux jintlibbsu fl-iskejjel.
“Stud iva. Imsielet le,” kiteb il-Minisistru. “Ma għandi l-ebda ħsieb noħolqu kunflitti ġodda fl-iskejjel.”
L-imsielet fuq l-istudenti spiċċaw f'nofs kontroversja meta meta omm ta’ student fi skola Għawdxija kitbet tilmenta li binha mhux jitħalla jmur l-iskola b’buttun.
Kien dan li wassal lill-Ministeru biex iħabbar li kull tip ta' misluta, minħabba raġunijiet ta' saħħa, ma tistax tintlibes fil-ħinijiet tal-iskola mill-istudenti.
Din qajmet rabja fost ħafna ġenituri bl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti fl-Iskejjel tal-Knisja (MAPSSS) tisħaq li din il-kwistjoni qatt ma tqajmet waqt laqgħat magħha.
L-Assoċjazzjoni ddeskriviet din id-deċiżjoni bħala "assurda"
Fuq Facebook, il-Ministru saħaq li kellmuh diversi ġenituri li xtaqu jħallu lill-uliedhom, l-aktar jekk għandhom widnejhom diġà mtaqqba, biex ma tingħalaqx.
Kien dan li wasslu biex ibiddel il-fehma tiegħu.