Rimi illegali ta' demel u skart tal-irziezet fis-sistema tad-drenaġġ ta' Għawdex

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma saħqet li kieku ma kinitx għall-azzjoni f'waqtha tal-ħaddiema dan l-inċident seta jipperikola xhur ta' xogħol u investimenti

Kwantità kbira ta’ demel likwidu spiċċa fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex wara x-xita tal-aħħar jiem.

Fi stqarrija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma saħqet li kieku ma kinitx għall-azzjoni f'waqtha tal-ħaddiema dan l-inċident seta jipperikola xhur ta' xogħol u investimenti ta' bosta miljuni ta' ewro.

Il-Korporazzjoni fakkret li l-bdiewa f'Għawdex issa għandhom aċċess għal faċilità  ta' trattament tad-demel likwidu li tagħti soluzzjoni sostenibbli konkreta biex tiddisponi minn skart bħal dan. 

Dan is-servizz issa huwa sospiż sa nhar it-Tnejn biex jippermetti biżżejjed ħin biex iseħħ il-proċess ta' rkupru meħtieġ.

Il-Korporazzjoni bħalissa qed issaħħaħ b’mod drastiku s-sezzjonijiet ta’ nfurzar tagħha inkluż tagħmir ta’ monitoraġġ ħaj. 

“Dawk li se jiksru l-liġi se jiffaċċjaw azzjoni drastika u se jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tkun ġarrbet l-infrastruttura tagħha. L-assistenza tal-pulizija se tiġi mitluba  kif meħtieġ,” saħqet l-istqarrija.

Filwaqt li fakkret li l-infrastrutturatad-drenaġġ hija kumplessa ħafna appellat biex fis-sistema jintrema biss skart uman u dak ta’ karta degradabbli. 

More in Politika