Il-PN jisħaq li hemm xi ħaġa ħażina fis-settur bankarju

Il-PN jisħaq li l-azzjonijiet tal-Gvern jaħtu għal dak li għaddej minnu s-settur finanzjarju

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li hemm xi ħaġa ħażina fis-settur bankarju għax fi kliemu, dan qed jispiċċa fuq l-aħbarijiet minħabba r-raġunijiet il-ħżiena.

Fi stqarrija, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Kristy Debono u Mario de Marco saħqu li l-aħħar aħbarijiet fuq il-banek f’Malta qed ikunu dwar fergħat li qed jagħlqu, sospensjoni ta’ liċenzji, ħasil ta’ flus u raġunijiet oħra negattivi.

“Huwa ċar li hemm xi ħaġa ħażina,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Insista li l-Prim Ministru Joseph Muscat wiret settur tas-servizzi finanzjajru b’saħħtu, mimli bl-aqwa professjonisti u b’reputazzjoni tajba.

“Sfortunatament, dan il-Gvern, bl-azzjonijiet tiegħu u bin-nuqqas tagħhom, kisser il-pedamenti ta’ dan is-settur,” saħaq il-PN.

“Dawk li xtaqu jbiddlu l-affarijiet għall-aħjar qed jagħmlu l-affarijiet agħar,” insistew il-kelliema waqt li fakkru fl-aħħar allegazzjonjiet dwar l-MFSA.

“Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji, Silvio Schembri, nesa jiddikjara d-dħul kollu tiegħu fid-dikjarazzjonijiet tal-assi,” komplew jisħqu.

Temmew jgħidu li l-Gvern ma jistax jirbaħ il-battalja biex itejjeb ir-reputazzjoni tal-pajjiż, għax il-Gvern innifsu huwa implikat fil-każ li għamlu ħsara lill-pajjiż.

More in Politika