Ritratti: 'Qaluli kien ikun aħjar kieku splodew lili wkoll' - In-neputija ta' Daphne
Mijiet ta' nies inġabru fil-Belt Valletta jgħajtu għal 'azzjoni mhux paroli' waqt li jisimgħu d-diskorsi ta' Norman Vella, Ana Gomes u oħrajn...
minn Yendrick Cioffi
Mijiet ta' persuni nġabru fil-Belt Valletta fit-tieni anniversaju mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Huma mxew wara l-familja ta' Caruana Galizia, ir-raġel tagħha, it-tfal, ħutha u ommha u missierha, jgħajtu "ġustizzja" u "azzjoni mhux paroli."
Uħud minn dawk li kienu preżenti kienu qed iġorru kartelluni, jikkundannaw kemm lill-Partit Laburista u anke lill-Partit Nazzjonalista u kartelluni oħra li jgħidu: "qtiltu ġurnalista biex ma taħarbux mill-ħabs."
Preżenti, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u d-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Jason Azzopardi.
Dan jikkuntrasta sew ma' dak li ġara dalgħodu meta oħt Daphne keċċiet lil Delia u lil dawk ta' madwaru meta marru jpoġġu kuruna ta' fjuri quddiem il-mafkar. Fil-fatt, sal-lejla, il-kuruna li poġġa Delia għadha mgħaffġa wara l-monument.
Is-Sindku ta' Palermo jqabbel il-ġlieda kontra l-mafja f'Palermo mas-sitwazzjoni f'Malta
Fetaħ id-diskorsi tal-lejla, is-Sindku ta' Palermo Don Leoluca Orlando
Orlando li huwa magħruf għall-ħidma tiegħu kontra l-mafja, fid-diskors tiegħu saħaq li la kienu kapaċi jiġġieldu l-mafja f'Palermo, dan kapaċi jseħħ ukoll f'Malta.
Lil dawk li ordnaw il-qtil tagħha, Orlando qalilhom li għamlu żball kbir.
"Daphne erbaħt. Erbaħt għax illejla aħna qegħdin hawn. Lill-qattiela tagħha...għamiltu żball kbir. Se tinqabdu, se tinqabdu," insista għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti.
'Diżgustanti li l-qtil ta' Daphne jissejjaħ femiċidju'
Don Luigi Ciotti, saċerdot u fundatur ta' Libera, b'referenza għall-kummenti tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli, saħaq li huwa diżgustanti li dan il-qtil jissejjaħ femiċidju, waqt li insista li Daphne nqatlet għax kienet qed tfittex is-sewwa.
Fi kliemu, mhuwiex biżżejjed li titfakkar Daphne, iżda wieħed irid ikollu l-impenn biex jaħdem favur dinja aħjar, aktar umana u ġusta.
Kien għalhekk li insista li l-memorja ta' Daphne, tista' tkun onorata, jekk kulħadd jaħdem biex iżomm ħajja l-kawża tagħha.
Quddiem il-passività tal-istat għall-kriminalità aħna qed inxommu riħa tintenn...riħa ta' kompliċità Norman Vella
'Diffiċli ħafna li tiġġieled il-mafja u l-korruzzjoni iżda mhux impossibbli," insista Don Ciotti.
Norman Vella: Min qatel lil Daphne għandu ċ-ċertezza li qatt mhu se jaqbduh
Norman Vella, ġurnalist u attivist politiku saħaq li għalkemm isem il-mandat tal-assassinju mhux magħruf, l-uniku ċertezza hija li min kien, kellu biżżejjed "flus maħmuġin" biex jagħmel dan.
Fi kliemu, dan qed iħossu "omnipotenti" għax għandu ċ-ċertezza li "qatt mhux se jinqabad."
Huwa akkuża maġistrati u imħallfin li fi kliemu, "jwaqqfu l-investigazzjonijiet."
"Quddiem il-passività tal-istat għall-kriminalità aħna qed inxommu riħa tintenn...riħa ta' kompliċità," insista Vella.
'Qaluli kien ikun aħjar kieku splodew lili wkoll' - In-neputija ta' Daphne
Matul il-manifestazzjoni tkellmet ukoll Amy Mallia, in-neputija ta' Daphne Caruana Galizia.
Hija rrakkontat kif fi żmien l-assassinju kienet għadha l-iskola. Kien hemm min saħansitra qalilha li kien ikun aħjar kieku xi ħadd poġġa bomba taħt is-siġġu tagħha wkoll
Avukata tappella biex tinqata' l-apatija
L-avukat Martina Fenech, f'appell imqanqal, ħeġġet lil dawk kollha preżenti biex ma jibżgħux mill-bidla waqt li appellat biex tinqata' l-apatija.
Fenech saħqet li f'pajjiż demokratiku, wieħed jippretendi li meta ġurnalista tikteb fuq skandlu wara skandlu minn uffiċjali pubbliċi, tittieħed azzjoni kontrihom.
"Nippretendu li meta xi ħadd jażżarda jhedded ġurnalista, jipprova jaħarqilhom darhom, joqtlilhom il-klieb, jinqabad u minnu jsir eżempju," insistiet l-avukata.
'Daphne hija 'invicta' - Ana Gomes
"Daphna qatt ma hi mirbuħa." Hekk għalqet id-diskors tagħha Ana Gomes, l-eks Ewroparlamentari li ġiet Malta diversi drabi, ma' delegazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tinvestiga s-Saltna tad-Dritt f'Malta.
Gomes hija voċifera kontra l-Gvern, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.
Fil-fatt, fid-diskors tagħha, hija akkużat lill-Prim Ministru li qed jostakola l-ġustizzja, fosthom għax ħalla lil Konrad Mizzi u Keith Schembri minkejja dak li sar magħruf dwarhom fir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers.
'Mal-mewt ta' Daphne, intilfet biċċa mill-libertà' - Antonio Tajani
L-eks President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, li kien viċin ħafna l-familja Caruana Galizia meta seħħ il-qtil, tant li attenda wkoll għall-funeral, kien wieħed mill-kelliema tal-lejla.
Huwa saħaq li meta nqatlet Daphne, f'Malta mietet parti wkoll mil-libertà tal-midja, anke jekk saħaq li xogħol Daphne għandu jkun ta' ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri biex anke huma, bħal Daphne, jaħdmu għall-verità.
Tkellem dwar l-investigazzjoni u l-importanza li jkun stabbilit minn ordna l-assassinju tagħha.
"Irridu politiċi mhux korrotti...pulizija li mhux jistennew l-ordnijiet tas-superjuri'
Tul il-manifestazzjoni tkellmu wkoll ġurnalisti minn RSF li kkritikaw il-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa' għaddej bil-libelli li kien fetaħ kontra Daphne.
Tkellmet ukoll Vicki Ann Cremona, president ta' Repubblika li appellat biex il-Maltin kollha jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
"Għandna bżonn politiċi mhux korrotto. Pulizija li mhux jistennew l-ordnijiet tas-superjuri tagħhom. Qrati fejn il-maġistrati u l-imħallfin jagħmlu xogħolhom," temmet tgħid.