Analiżi | Konvinċenti, jitlifha fuq il-pushback u għad fadallu x’jaqdef fil-housing

Il-gazzetta ILLUM tkompli tanalizza d-diskori tal-mexxejja politika. Illum imiss lill-Prim Ministru Joseph Muscat

Joseph Muscat illum sar politiku ta’ esperjenza u stuż li jwassal id-diskors tiegħu b’mod eċċellenti u għaldaqstant, il-mod li bih jgħaddi l-messaġġ huwa wieħed effettiv u pjuttost konvinċenti. 

Dan ma jfissirx illi d-diskors b’risposta għal dak ta’ Delia kien perfett, la fil-kontenut u lanqas fil-mod ta’ kif twassal. Fil-fatt għal mument wieħed deher irrabjat u kważi kważi isteriku. 

Kollox ma’ kollox iżda, kien diskors tajjeb ħafna li poġġa lid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista f’pożizzjoni antipatka, jekk mhux imbarazzanti, speċjalment meta kien qiegħed jinnota żbalji numeriċi u fattwali tal-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Faqar u fatti

Iċ-ċifri għadhom juru li eluf ta’ ħaddiema, żgħażagħ u pensjonanti għadhom qegħdin fir-riskju ta’ faqar. Huwa ċar li apparti l-faqar, illum dawk li jaqilgħu mal-€1,100 - €1,500, ukoll qed isibu problemi biex jieħdu self għal dar, pereżempju. 

Il-prezzijiet tal-kirjiet u l-prezzijiet tal-ikel li dejjem jogħlew, qed jitfgħu iktar pressjoni fuq il-but ta’ minoranza konsiderevoli. 

Minkejja dan, Muscat xorta kien b’saħħtu bil-fatti tal-miżuri f’idejh li wettaq dan il-Gvern matul is-snin; childcare b’xejn, roħs fid-dawl u l-ilma (li qed ikun ikkontestat mill-PN u numru ta’ nies minħabba żbalji), tapering tal-benefiċċju tal-qgħad, iż-żidiet fl-in-work benefit, ċekk kull sena f’rifużjoni ta’ taxxa, żieda inkrementali, f’kull Baġit, tal-pensjonijiet u benefiċċji tal-wens, stabbilità akbar fil-prezz tal-gass u l-iskema tal-first time u s-second time buyers, fost bosta oħrajn. 

Muscat jinsab minn fuq għaliex kuntrarjament għal dan il-Gvern, il-gvernijiet preċedenti, anke dak Laburista ta’ Alfred Sant, kienu jsegwu formola ta’ Baġits b’taxxi u miżuri mhux popolari fil-bidu tal-leġiżlatura u ‘Baġits tal-elezzjoni’ lejn l-aħħar. Min jiftakar l-1998, jiftakar sew lil Sant jgħid li l-Gvern kien beda jiżra’ ż-żerriegħa għas-siġra (Baġits b’taxxi, fosthom kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla) biex imbagħad jinqata’ l-frott. 

Fil-verità, il-frott la qatgħu Sant u definittivament lanqas Lawrence Gonzi, li mexxa l-pajjiż fi sfond ta’ kriżi internazzjonali. 

Muscat, min-naħa l-oħra wettaq miżuri pożittivi u bi ħsieb, filwaqt li għandu element ta’ fortuna illi qed imexxi fi sfond ta’ qawmien u stabbilità ekonomika madwarna. 

Dan jagħtih iċ-ċans li jiftaħ iktar idejh u jwettaq miżuri monetarji li bihom jista’ jgħin lill-fqar u dawk fix-xifer tiegħu. 

B’diżabiltà u bil-paga minima

Muscat kien fl-aqwa tiegħu meta tkellem dwar il-persuni b’diżabiltà f’relazzjoni max-xogħol, suġġett ieħor li fih Muscat għandu vantaġġ politiku għax ġab riżultati, b’qgħad baxx. 

Il-Baġit ħabbar illi persuni b’diżabiltà li ma jistgħux jaħdmu se jibdew jingħataw il-paga minima. Miżura soċjali u pożittiva ħafna li tħalli lil Muscat fuq quddiem fuq dan is-suġġett li ftit li xejn messu Delia. 

Akkomodazzjoni soċjali. Imma x’sar?

Muscat ma tantx ikkonvinċa meta fakkar li dan il-Gvern għaddej bl-akbar proġett ta’ housing fl-istorja, mhux għax mhux vera hemm dawn il-pjanijiet, imma għax wara sitt snin fil-Gvern wieħed kien jistenna li mqar, l-akbar housing estate f’Ħal Farruġ ikun lest jew kważi. 

Inqas konvinċenti kienet ir-raġuni li ta Muscat għal dan id-dewmien (mela anke hu qed jammetti li hemm dewmien). Huwa sostna li dan il-proġett qed idum għaliex il-Gvern ma jistax jibni fuq żoni barra l-iżvilupp u jrid isib art li fuqha tista’ tiżviluppa. Fir-realtà l-art (ta’ Ħal Farruġ, li kellu jkun l-akbar, żgur) ilha mmarkata snin. 

Sa issa, f’dan is-settur wieħed kien jistenna ħafna aktar minn Gvern Soċjalista u allura f’dan is-suġġett Muscat mhuwiex b’saħħtu ħafna, sakemm dawk l-1,700 appartament isiru fatti. 

Barranin u immigranti

Il-Prim Ministru kellu argument tajjeb ħafna dwar il-barranin, argument iżda li probabbilment ftit għamel biex jikkalma r-rabja evidenti ta’ ħafna nies, inkluż ta’ ħafna Laburisti li wħud minnhom, forsi għall-ewwel darba fi snin, ħarġu qatta’ bla ħabel kontra l-partit u l-Gvern b’mod pubbliku. 

Muscat irrefera għall-argument li qed nagħmlu fl-istess sezzjoni f’paġni 4 u 5, jiġifieri dak dwar ir-rabta bejn l-ekonomija u l-immigrazzjoni. 

L-argument dwar il-ħanut li ma jkunx sejjer tajjeb u allura jdaħħal il-barranin biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ xogħol ireġi u le. Ireġi għax vera, il-barranin mhumiex il-fattur li jiddetermina ekonomija tmurx tajjeb jew le, imma l-investiment u l-innovazzjoni jiddeterminaw. Imma min-naħa l-oħra ma jreġix għax ħaddiema f’ħanut f’termini ta’ flus huma spiża (bil-paga li probabbilment mhux se jonfquha fil-ħanut stess) filwaqt li barranin f’ekonomija huma spiża u dħul, għax qed jaqilgħu paga, u jonfquha fil-pajjiż filwaqt li jużaw is-servizzi wkoll. F’ħanut m’hemmx din iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, hemm servizz u ħlas ta’ dak is-servizz u daqshekk.

Rewwixta f’Ħal Far

Ma setax jonqos li Muscat jitkellem ukoll dwar dak li ġara f’Ħal Far. Hawnhekk Muscat kien ukoll b’saħħtu u bbilanċjat bejn dak li ġara u l-bżonn ta’ ġustizzja. 

“Mhux aċċettabbli li ġara... kundannabbli... ma rridux nagħtu riħ lill-populiżmu,” qal Muscat. Dan huwa kollu sew u xieraq u tagħti serħan il-moħħ li l-PM huwa konsistenti f’din il-kwistjoni. 

Li ma jagħtix serħan il-moħħ, u allura r-rabja ġġustifikata, hija l-mod kif saret l-operazzjoni bil-Pulizija ma jidhru mkien qabel il-11am tal-għada filgħodu, b’assenza totali tal-Ministru fuq il-post u xejn informazzjoni uffiċjali sa sigħat wara li seħħet din ir-rewwixta. Anke jekk din kienet parti mill-istrateġija tal-Pulizija jew il-Gvern, in-nuqqas ta’ informazzjoni kompliet tirrabja lin-nies. 

Biex tgħaxxaq, il-Qorti tat sentenzi ta’ sitt ġimgħat lil dawk li ammettew li kienu parti minn din ir-rewwixta. Din is-sentenza, għalkemm hija indipendenti mill-eżekuttiv u finali, kompliet tirrabja lin-nies bil-kbir. 

Kliem Muscat seta’ kien qawwi u inklussiv. Imma żgur li għad irid jagħmel iktar minn hekk biex jikkalma r-rabja ta’ bosta, inkluż partitarji tiegħu. 

‘Għandek żball...’

Muscat deher ippreparat sewwa għad-diskors tiegħu. Tant illi f’mumenti minnhom irnexxielu jimbarazza mhux ftit lill-Oppożizzjoni. 

Ħin minnhom, Muscat irrimarka illi filwaqt li Delia qal li hemm bżonn tibda tingħata l-mediċina għall-Parkinsons, din diġàqed tingħata u ilha tingħata mill-2012 meta fil-Gvern kien hemm in-Nazzjonalisti. 

Muscat beda md-diskors billi kkoreġa lil Delia, li uża l-kelma ‘metropolitan’ fil-kritika tiegħu meta Muscat dejjem tkellem dwar il-‘kożmopolitan’. Bejn it-tnejn hemm differenza kbira. Belt metropolitana hija waħda kbira ħafna (Delhi, New York...), filwaqt li belt kożmopolitana hija waħda b’nies minn pajjiżi, kulturi u kontinenti differenti. 

Muscat irrimarka żball fi stqarrija tal-PN li rrefera għaċ-ċentru ta’ Ħal Far bħala ċentru ta’ detenzjoni, meta fil-fatt huwa ċentru miftuħ u semma wkoll kif fuq il-ħaddiema barranin biddel ċifri li dehru f’rapport tal-Bank Ċentrali. Delia jidher li għamel żball ukoll meta qal li l-ebda kumpanija ta’ Assi Virtwali (VFA) ma ġiet Malta fil-qasam tal-blockchain, meta fil-fatt ingħataw 17-il liċenzja. 

Delia fl-ebda ħin ma wieġeb lura għal dawn l-iżbalji u oħrajn li juru wkoll nuqqas ta’ preparazzjoni u professjonalità min-naħa tal-PN. 

Pushback

Meta beda jitkellem dwar ħajjet l-immigranti u d-deputati tal-Oppożizzjoni bdew jgħajtu ‘pushback’, Muscat tilef il-kalma u kważi sar isteriku. Dan minkejja li kellu argument tajjeb, fis-sens illi huwa llum iħoss li dan kien żball. 

Kienet ċara illi għal ftit, għax f’daqqa waħda l-Oppożizzjoni dehret minn fuq, il-body language tiegħu nbidel u mar fuq id-difensiva. 

Ħa żball ukoll meta qal li qatt ma ntbagħtu lura immigranti lura b’periklu għal ħajjithom. Fil-fatt bejn Settembru u Ottubru 2002, mal-220 Eritrean ġew iddeportati lura pajjiżhom minn Gvern Nazzjonalista, b’Amnesty International tgħid li dawn iffaċċjaw tortura u kastigi meta waslu. 

27 persuna minn dawn li pprovaw jaħarbu spiċċaw imsawtin b’mod gravi sakemm beda ħiereġ id-demm, jgħid ir-rapport. 

Il-mina u d-dommi tal-fidi

Il-mina bejn Malta u Għawdex, bħall-metro huma proġetti infrastrutturali pożittivi, imma mhumiex dommi tal-fidi. Mhumiex kwistjonijiet ta’ ‘iva’ jew ‘le’, ‘iswed’ jew ‘abjad’ jew xejn. 

Biex issir mina taħt il-baħar hemm bżonn serħan il-moħħ assolut. Is-serħan il-moħħ ma jiġix minn rapporti mhux ippubblikati, imma minn studji ppubblikati li jitrattaw il-blat, kemm saru testijiet fuq il-blat, fejn saru, bl-ispiża, kif l-ispiża tista’ tinbidel minħabba blat li jaqa’ għax ikun dgħajjef, x’jiġri f’każ ta’ emerġenza, kemm se tinqered art agrikola u aktar. 

Muscat qed ikun wisq affermattiv, wisq ‘żgur’. Poter għandu għax hu l-PM, imma poter fuq in-natura m’għandux. 

Il-kawtela xi kultant mhix idea daqstant ħażina.

Surplus u ekonomija

Muscat għandu favurih ekonomija b’saħħitha f’Malta, imma anke lil hinn minnha. Apparti li ppermettilu jqassam, kif diġàosservajna, irnexxielu jikseb għar-raba’ darba surplus fil-finanzi tal-pajjiż. Minnha nnifisha din, wara snin ta’ defiċit hija kisba mil-lat ta’ finanzi imma wkoll mil-lat politiku. 

Naturalment l-aspettattivi, iktar kemm nirreġistraw surplus, iktar se jikbru u l-Oppożizzjoni iktar se tonfoħhom biex il-miżuri tal-Gvern qatt ma jidhru biżżejjed. Huwa xogħol Muscat u s-suċċessuri tiegħu li jibqgħu jippruvaw ilaħħqu ma’ dawn l-aspettattivi, b’miżuri varji u inovattivi.

L-ekonomija fil-fatt, flimkien mas-surplus, huma l-pulmun li qed jagħtu lill-Gvern ta’ Muscat in-nifs u l-popolarità. Sakemm dawn jibqgħu, grazzi għall-viżjoni u fatturi Ewropej u internazzjonali, Muscat u l-PL jibqgħu fil-Gvern, minn fuq, jekk ma jibqgħux tibda t-triq ’l isfel tal-Gvern.

More in Politika