Terz tat-tfal li ġew abbużati jibqgħu siekta
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jappella biex minn età żgħra, it-tfal għandhom jiġu mgħallma dwar x’ tip ta’ mġiba tista’ twassal għal abbuż
More in Politika
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jappella biex minn età żgħra, it-tfal għandhom jiġu mgħallma dwar x’ tip ta’ mġiba tista’ twassal għal abbuż
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal saħaq kif huwa stmat li madwar terz mit-tfal li ġew abbużati ma jaqsmux l-esperjenzi tagħhom ma’ ħadd. Għalhekk appella biex minn età żgħra, it-tfal għandhom jiġu mgħallma dwar x’ tip ta’ mġiba tista’ twassal għal abbuż.
Il-Kummissarjat għamel dan l-appell fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għall- Protezzjoni tat-Tfal mill-Isfruttament Sesswali u mill-Abbuż Sesswali, jum iċċelebrat fit-18 ta’ Novembru.
Din is-sena, it-tema magħżula hija “Nagħtu s-Setgħa lit-Tfal biex Tieqaf il-Vjolenza Sesswali”.
Fl-okkażjoni tat-30 Anniversarju tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jixtieq jappella lill-entitajiet u l-għaqdiet kollha flimkien mal-professjonisti, edukaturi, ġenituri u voluntiera biex iwettqu d-dritt ta’ kull tifel u tifla għall- parteċipazzjoni hekk kif stabbilit fil-Konvenzjoni.
“Hija r-responsabbiltà tal-adulti kollha li jiżguraw li tfal ikollhom sehem fid-deċiżjonijiet kollha li jaffettwawhom direttament jew indirettament,” jappella l-Uffiċċju.
Intant, matul il-jiem li ġejjin, l-Uffiċċju se jkun qed iqassam kopji ta’ Kiku u l-Id, pubblikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, lit-tfal kollha fl-ewwel sena tal-Kinder.
Dan huwa ktieb bi storja għat-tfal, b’taqsima għall-ġenituri li għandha l-għan li tgħin il-ġenituri jkollhom diskussjoni mat-tfal tagħhom dwar x’inhi mġiba aċċettabbli u x’inhi mġieba mhux aċċettabbli.
Kull min jaf dwar xi abbuż li qed isir fuq tfal għandu d-dmir li jirrapporta. Dan jista’ jsir billi wieħed iċempel il-linja telefonika għall-għajnuna 179.