Residenti tal-Kottonera u diversi NGOs inġabru fil-kwartieri tal-Awtorità tal-Ippjanar u nfexxew iċapċpu hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar ma approvatx, b'vot unanimu, il-proġett propost mill-Università Amerikana ta' Malta.
F'Settembru, il-bord kien indika li se jkun qed jirrifjuta din l-applikazzjoni kontroversjali u d-deċiżjoni kienet ikkonfermata llum.
Fost dawk li vvota kontra dan il-proġett kien hemm id-Deputat Laburista, membru tal-bord, Clayton Bartolo.
Lura fis-26 ta’ Diċembru, Bartolo kien ilmenta kif l-impatt viżwali fuq is-swar tal-Isla ma kienx ġie indirizzat waqt li insista li dan id-dover li jitħares il-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna ma għandux ikun imniżżel f’policy, iżda għandu jiġi minn kull min jersaq bi proposta għal proġett.
“Ma naħsibx li huwa sew li l-Gvern se jkun qed jinvesti madwar €2 miljun fis-swar biex imbagħad, l-istess bini, jgħatti u jtellef l-investiment,” kien saħaq Bartolo.
Dwar l-ispazji miftuħa, Bartolo kien wera t-tħassib tiegħu ukoll waqt li fakkar li l-Kottonera diġà għandha densità qawwija.
L-AUM riedet tibni estensjoni tal-Università fil-Baċir Numru 1 u anke dormitorju fil-parkeġġ fi Triq San Pawl, biswit id-daħla tal-Isla.
Dan il-proġett qajjem rabja fost ir-residenti tal-Kottonera tant li għaqdu grupp: ‘Azzjoni: Tuna Artna Lura’ biex jipprotestaw u jopponu dan l-iżvilupp.
Huma saħqu li proġett bħal dan huwa ta’ dettriment għall-Kottonera u r-residenti għax joħnoq l-aħħar ftit spazji miftuħa li fadal u anke għall-Patrimonju Nazzjonali għax jgħatti s-swar tad-daħla tal-Isla.
Mal-ILLUM, anke d-Deputat tal-Gvern Glenn Bedingfield oppona dan il-proġett u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien saħaq li qabel tibni, l-Università għandha turi bil-fatti li verament teħtieġ dawn il-faċilitajiet.
Huwa sigriet magħruf, li l-AUM ma laħqitx ħafna mill-miri tagħha, partikolarment fl-għadd ta’ studenti. Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat ukoll kifn Sadeen, li qed tmexxi l-Università qed jagħmel telf qawwi ta’ €4.1 miljun.
Aqra wkoll: