Il-Pulizija qed jaħsbu biex joffru ftehim ta’ patteġġjament lil Yorgen Fenech.
Patteġġjament hu ftehim bejn il-prosekutur u l-akkużat fejn l-akkużat jinvoka li ħati għall-akkuża bi skambju għal sentenza iqsar, jew li jkun hemm ftehim fejn jaqgħu l-akkużi oħrajn. Din l-informazzjoni kienet ippubblikata fuq il-gazzetta The Malta Independent.
Yorgen Fenech, sid 17 Black, li kien arrestat mill-Forzi Armati ta’ Malta nhar l-Erbgħa li għadda, kien inħeles mill-Pulizija l-Ħamis filgħaxija, dan għaliex kienu għaddew it-48 siegħa li persuna tista' tinżamm arrestata qabel tittella’ l-Qorti.
Madankollu, nhar il-Ġimgħa filgħodu Fenech ittieħed fuq il-jott tiegħu f’Portomaso fejn il-Pulizija wettqet tfittxija ġdida.
Wara dan, Fenech reġa' kien arrestat u skortat lejn il-kwartieri ġenerali tal-Pulizija. Jidher li l-idea tal-patteġġjament kienet imsemmija fl-interrogazzjoni li seħħet ilbieraħ, jispjega l-istess rapport.
Barra minn hekk, ilbieraħ fuq is-sit tal-aħbarijiet Taljan La Sicilia żvelat li Fenech qed jiġi investigat ukoll dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fl-isports u logħob tal-azzard illegali fuq logħbiet tal-futbol.
Ara l-artiklu kollu ta' La Siclia hawnhekk
Apparti minn hekk, il-Malta Independent qalet ukoll li Melvin Theuma, l-intermedjarju li kien arrestat nhar it-Tlieta li għadda, ipprovda evidenza li fost l-oħrajn tinkludi recordings tal-konverżazzjonijiet tat-telefon kif ukoll messaġġi li jimplikaw il-protagonisti kollha li ħadu sehem fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Minkejja dan, il-PM Joseph Muscat qal li l-arrest ta’ Yorgen Fenech mhux relatat mal-informazzjoni.
Melvin Theuma, li ttieħed l-isptar ilbieraħ filgħodu u kien irralaxxat fl-istess jum, qed jistaqsi għal maħfra Presidenzjali għall-informazzjoni li għandu.