Il-Kamra tal-Kummerċ, fi stqarrija maħruġa dalgħodu appellat lill-partiti politiċi biex fid-dawl tal-isfidi li għaddej minnhom il-pajjiż bħalissa, jaġixxu b’responsabbilità u ma jniżżlux nies fit-toroq.
Fil-fatt, il-Kamra tal-Kummerċ insistiet li ralliet politiċi bħalissa jistgħu biss iżidu mal-insigurtà kurrenti u dan jirrifletti ħażin barra minn Malta.
“Il-Kamra tal-Kummerċ għalhekk qed issejjaħ lill-politiċi kollha biex jaġixxu sewwa u immedjatament jibdew jirrestawrat l-isem tajjeb ta’ Malta, fl-interess nazzjonali,” saħqet il-Kummerċ.
Insistiet li fl-aħħar jiem, ir-reputazzjoni ta’ Malta kienet “severament kompromessa.”
“Issa huwa ż-żmien li naġixxu b’mod responsabbli u nassiguraw li sseħħ il-ġustizzja. Hekk biss jista’ jikkalma l-pajjiż, ifieq u jimxi ‘l quddiem,” temmet tgħid il-Kamra tal-Kummerċ.
Il-Partit Laburista se jkun qiegħed jorganizza rally politika nhar il-Ħadd filgħodu fil-Fgura. Il-Partit Nazzjonalista ħassar protesta li kien sejjaħ għall-Ħadd li ġej.