Yorgen Fenech iwaqqa' l-każ li fetaħ għat-tneħħija tal-Ispettur Arnaud mill-investigazzjoni

Fenech kien talab li Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni iżda l-Pulizija ma kinitx aċċettat

Yorgen Fenech li qed ikun akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia waqqa’ l-każ li fetaħ biex l-Ispettur Keith Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni dwar il-qtil.

Fenech kien arrestat fl-20 ta’ Novembru li għadda wara li l-Forzi Armati ta’ Malta interċettatu ħiereġ bil-jott tiegħu minn Portomaso.

Huwa kien interrogat għal diversi jiem sakemm tressaq akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia nhar is-Sibt li għadda.

Fenech kien bagħat ittra, permezz tal-avukati tiegħu Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran, lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni.

Madanakollu, ftit wara, il-Pulizija kienet bagħtet stqarrija li fiha saħqet li Arnaud se jibqa’ jmexxi l-investigazzjoni.

Il-każ li fetaħ quddiem il-Qorti Fenech kellu jkompla jinstema’ dalgħodu iżda l-ġurnalisti ġew infurmati li l-każ twaqqa’ minn Fenech stess.

More in Politika