Anke jekk fil-Black Friday il-ħwienet kellhom aktar xogħol mis-soltu, din is-sena ma jidhirx li nkiser xi rekord, għall-kuntrarju, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU, Abigail Mamo saħqet li l-Black Friday ta’ din is-sena ma laħħaqx l-aspettattivi.
Irrapportat dan il-gazzetta oħt BusinessToday li spjegat kif l-agħar ħwienet li marru, forsi kif mistenni wkoll, kienu dawk fil-Belt Valletta, x’aktarx minħabba l-protesti li kienu organizzati tul il-ġimgħa li għaddiet.
Mal-gazzetta, Abigail Mamo saħqet kif mill-banda l-oħra, il-GRTU rċeviet rispons tajjeb ħafna mingħand dawk il-ħwienet u stabbilimenti li jbiegħu affarijiet elettroniċi, b’dawn in-negozji jirrapportaw bejgħ simili għal dak tas-sena li għaddiet.
Fil-fatt, tkompli tispjega Mamo, għall-bosta negozji, il-Black Friday se tibqa’ l-aqwa ġurnata tas-sena.
Il-ħwienet tal-Belt ma jmorru tajjeb xejn...
Kif spjegat aktar ‘il fuq, l-aktar li batew kienu l-ħwienet fil-Belt Valletta għax ħafna preferew li jmorru jixtru bnadi oħra biex jevitaw il-ġenn tal-protesti.
“Kif mistenni, is-sitwazzjoni politika preżenti waslet biex klijenti jevitaw il-Belt Valletta u jagħżlu lokalitajiet oħra bħala alternattiva,” saħqet Mamo.
Iżda ma kinux biss il-ħwienet tal-ħwejjeġ li batew. Sid ta’ kafetterija lmenta mal-gazzetta li l-Belt kienet kważi vojta u l-ġimgħa d-dieħla marru ħażin kważi kuljum.
Fil-fatt, aktar kmieni din il-ġimgħa, is-sit illum.com.mt irrapporta kif kien hemm kafetteriji u ħwienet quddiem il-Parlament li kellhom jagħlqu mat-3pm, għax filgħaxija kien hemm protesta u l-aċċess għalihom, minħabba sigurtà kellu jingħalaq.
'Il-pajjiż bilkemm qed jiffunzjona'
Anke jekk skont Mamo qed jistennew li n-negozju jmur aħjar aktar ma jersaq il-Milied, uriet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni politika preżenti u l-effett tagħha fuq il-bejgħ u n-negozju.
“L-impatt tal-kriżi li qed nesperjenzaw inħasset minnufih, malli bdiet,” qalet Mamo. “Il-pajjiż bilkemm qed jiffunzjona.”
Hija tiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala waħda “intolerabbli.”
“Dan ġust ma’ dawk il-familji kollha li ġew affettwati u li ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ dak li wassal għan dan il-kaos?”, tistaqsi Mamo. “Ma kull ġurnata li tgħaddi s-sitwazzjoni ta’ instabbilità qed iżżid il-ħsara u tagħmel ħsara lir-reputazzjoni b’riżultat devastanti għal Malta.”