Kif se jintgħażel il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista? Spjega pass pass
Il-proċess tal-għażla għal Mexxej Laburista ġdid. X'se jiġri? U kif? U min se jivvota?
minn DO NOT USE
Ftit aktar minn xahar ieħor, il-Partit Laburista se jkollu Mexxej ġdid u eventwalment fil-ġranet ta’ wara dan jieħu jew tieħu l-ġurament bħala l-Prim Ministru ġdid ta’ Malta. Fil-fatt għada, se jibdew jintlaqgħu n-nominazzjonijiet għal dawk li lesti jidħlu għal din il-kariga importanti. Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn l-istatut tal-Partit Laburista biex tifhem aħjar pass pass dan il-proċess.
Ta’ min isemmi, l-ewwel u qabel kollox, li din se tkun l-ewwel elezzjoni għall-Mexxej tal-Partit Laburista li għaliha jistgħu ma jivvotawx biss id-delegati tal-Partit iżda anke l-membri kollha, jiġifieri t-tesserati.
It-tesserati se jkunu qed jivvotaw nhar is-Sibt 11 ta’ Jannar u mill-lum jifħu n-nominazzjonijiet li jagħlqu nhar l-Erbgħa li ġej, 11 ta’ Diċembru.
Fil-fatt, anke jekk il-Konferenza Ġenerali hija l-ogħla organu tal-Partit Laburista, huwa l-Kungress tal-Partit li huwa responsabbli mill-elezzjoni tal-Mexxej tal-Partit. Fil-fatt, dan se jkun qiegħed jitlaqqa’ bejn l-10 u t-12 ta’ Jannar.
Kemm trid tkun ilek tesserat biex tivvota?
Aktar ’il fuq semmejna li t-tesserati jistgħu jilagħbu parti importanti mill-għażla tal-mexxej ġdid Laburista iżda fil-verità mhux il-membri kollha jistgħu jivvutaw għax mhux kollha jifformaw il-Kungress tal-Partit
Fil-fatt, skont l-istatut tal-Partit Laburista, it-tesserati eliġibbli huma dawk li jkunu ilhom mill-inqas ħames snin konsekuttivi jħallsu.
Għall-membri tal-Partit minn età ta’ 20 sena jew inqas, il-perjodu ta’ sħubija konsekuttiva jkun ta’ tliet snin.
Iżda l-ewwel isaffu l-għażla d-delegati...
Anke jekk it-tesserati jistgħu jivvotaw, f’każ li jkun hemm aktar minn żewġ kandidati, l-ewwel ma jivvotaw huma d-delegati tal-Partit.
Fil-fatt, jekk wara nhar l-Erbgħa meta jingħalqu n-nomini, ikun hemm aktar minn żewġ kandidati, tissejjaħ Konferenza Ġenerali nhar it-Tnejn 6 u t-Tlieta 7 ta’ Jannar.
Nhar is-7 ta’ Jannar, id-delegati jagħżlu żewġ kandidati minn dawk li jkunu qed jikkonestaw biex jibagħtuhom għall-vot tal-Kungress tal-Partit. Il-vot huwa sigriet.
Ovvjament, dawk li jgħaddu għall-vot tat-tesserati, ikunu ż-żewġ kandidati li jkunu ġabu l-akbar ammont ta’ voti.
Il-Kungress jitlaqqa’ mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata wara d-data tal-għażla taż-żewġ kandidati mill-Konferenza Ġenerali.
Fil-fatt, nistgħu ngħidu li din l-elezzjoni se tkun kemm jista’ jkun qasira, tant li l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, kif rajna aktar qabel, diġà stabbilixxa li l-vot fil-Kungress se jsir tlett ijiem biss wara l-vot fil-Konferenza Ġenerali.
Min huma d-delagati tal-Partit?
Il-Konferenza Ġenerali tkun magħmula minn dawn id-Delegati:
- il-Mexxej,
- id-Deputati Mexxejja,
- Uffiċjali fl-Amministrazzjoni tal-Partit,
- l-Uffiċjal Eżekuttiv,
- Membri ordinarji fl-Eżekuttiv Nazzjonali,
- Delegati Lokali
- Delegati Distrettwali: It-tliet uffiċjali fl-Amministrattiv Distrettwali u 39 Delegat għall-Konferenza,
- Delegati reġjonali: Il-ħames uffiċjali tal-Amministrazzjoni Reġjonali għal Għawdex
- Sezzjoni Kunsilliera: Delegat minn kull kunsill lokali,
- Il-membri kollha tal-Grupp Parlamentari,
- L-Ewroparlamentari tal-Partit,
- Fergħat: 15-il delegat minn kull fergħa tal-Partit
- Fondazzjoni: 22 Delegat (Il-Fondazzjoni tfassal u tħaddem programmi edukattivi, kulturali u sportivi)
- Rappreżentanti tal-Partit barra minn Malta: Delegat għal kull Kumitat
- Għaqdiet Affiljati: Mhux aktar minn tliet delegati għal kull għaqda
- Delegati Onorarji
U jekk jitfgħu n-nomina żewġ kandidati biss?
F’każ li jkunu żewġ kandidati biss li jitfgħu n-nomina għall-kariga ta’ Mexxej, ma jkunx hemm bżonn vot fil-Konferenza Ġenerali u għalhekk dawn jitressqu mill-ewwel għall-vot tat-tesserati.
Kemm iridu jġibu voti?
Ikun iddikjarat Mexxej tal-Partit dak il-kontestant li l-aktar li jġib voti validi mixħuta fil-Kungress tal-Partit, jiġifieri mit-tesserati.
U jekk toħroġ persuna waħda biss?
Teżisti wkoll il-possibbilità, u l-qasba qed iċċaqċaq, li jkun hemm kandidat wieħed biss.
F’dak il-każ, din in-nominazzjoni titressaq għall-konferma quddiem il-Konferenza Ġenerali u mhux quddiem il-Kungress tal-Partit.
Dwar in-nomina jsir vot sigriet u f’dan il-każ, il-konferma jeħtieġ ikollha l-appoġġ ta’ 50% + 1 tal-voti, biex persuna tkun iddikjarata Mexxej.
Min jista’ joħroġ għal Kap?
Il-Kummissjoni Elettorali tilqa’ n-nominazzjonijiet minn fost il-membri kollha tal-Partit Laburista.
Fil-każ tal-Partit Laburista, is-sħubija fil-Partit hija miftuħa għal kull persuna li għalqet l-14-il sena.
L-istatut huwa ċar dwar dan: “Kull membru mħallas tal-Partit għandu dritt jikkontesta għal kull kariga fil-Partit...”
Kull nomina jrid ikollha proponent u tkun issekondata. Kemm il-proponent u anke s-sekondant iridu jkunu delegati tal-Konferenza Ġenerali.
Kull nomina trid tkun iffirmata mill-proponent u s-sekondant u mill-membru propost u dawn għandhom ikunu regolari fil-ħlas tas-sħubija,” jgħid l-istatut.
Tiftakar x’kien ġara meta ġie elett Joseph Muscat?
Joseph Muscat kien ġie elett Mexxej tal-Partit Laburista, dak iż-żmien Malta Labour Party, fis-6 ta’ Ġunju tal-2008.
Dak iż-żmien, Muscat kien għad għandu 34 sena u kien Membru tal-Parlament Ewropew.
Meta ġie elett Joseph Muscat, ma kinux ivvotaw it-tesserati iżda d-deċiżjoni kienet kollha kemm hi f’idejn id-delegati.
Fl-elezzjoni tas-6 ta’ Ġunju, Muscat kien kaxkar il-voti. Dakinhar il-votazzjoni kienet bejnu u bejn George Abela (li wara sar President ta’ Malta).
Joseph Muscat kien ġab 66.4% tal-voti, jew inkella 574 vot mit-865 vot validu li kienu ntefgħu. Abela kien kiseb 291 vot (33.6%)
Ġurnata qabel kien hemm votazzjoni oħra. Apparti Joseph Muscat u Goerge Abela, kienu ħarġu wkoll Michael Falzon, Evarist Bartolo u Marie-Louise Coleiro Preca.
Anke jekk kontra erba’ kandidati oħra, f’din l-ewwel votazzjoni, Muscat kien tliet voti biss ’il bogħod mill-50% + 1 li kien hemm bżonn biex ikun elett Mexxej Laburista.
Fil-fatt, il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju 2008 huwa kien kiseb 435 vot u George Abela 200 vot.
It-tliet kandidati l-oħra kienu eliminati, wara li Michael Falzon kiseb 181 vot, Evarist Bartolo 32 vot u Marie-Louise Coleiro Preca 26 vot.
L-Eżekuttiv Nazzjonali approva b'mod unanimu l-proċedura biex il-Kummissjoni Elettorali tkun f'pożizzjoni li tirregola l-proċess bl-aktar mod organizzat, filwaqt li hemm ħin biżżejjed sabiex dawk interessati jkunu jistgħu jdaħħlu n-nomina tagħhom. L-Eżekuttiv Nazzjonali qabel li din id-deċiżjoni titressaq quddiem il-Konferenza Ġenerali li jmiss permezz ta' mozzjoni ta' proċedura. L-Eżekuttiv kien unanimu dwar din id-
Hemm 776 delegat tal-Konferenza Ġenerali
Hemm madwar 10,000 membru li diġà huma eleġibbli li jivvotaw għax ilhom ħames snin konsekuttivi mħallsa. Hemm membri li mhumiex regolari b'dan il-mod iżda li għandhom ċans jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom skont l-istatut. Potenzjalment dan jista' jtella' n-numru għal madwar 20,000.