Yorgen Fenech ikollu widna fl-investigazzjoni...X’kien jaf minn qabel?
L-aktar punt xokkanti li ħareġ mix-xhieda ta’ Melvin Theuma fil-Qorti jibqa’ l-fatt li Yorgen Fenech, l-allegat mandant, kien qed ikun mgħarraf b’informazzjoni sensittiva tal-investigazzjoni. X’kien jaf Yorgen Fenech? Kif? Min qallu?
minn Yendrick Cioffi
Nhar il-Ħamis, Melvin Theuma kompla jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Kważi f’kull sentenza li lissen, Melvin Theuma, l-intermedjarju, li għandu l-protezzjoni tal-istat biex jikxef l-informazzjoni kollha li jaf dwar l-assassinju, kompla jikkonferma kemm Yorgen Fenech, l-allegat mandant, kien ikun infurmat b’dettalji importanti dwar l-investigazzjoni.
F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tispjega l-informazzjoni li skont Melvin Theuma, Yorgen Fenech kellu f’idu ġimgħat qabel din l-istess informazzjoni ħarġet fil-pubbliku u li kienet kruċjali fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-konklużjoni hija waħda. Xi ħadd, li kien mgħarraf bl-investigazzjonijiet sal-iċken dettall, kien qiegħed jgħaddi din l-informazzjoni lil Yorgen Fenech, anke qabel mal-investigaturi tefgħu għajnejhom fuqu.
Dejjem skont l-istess Melvin Theuma, fix-xhieda li huwa ta nhar il-Ħamis, dan ix-xi ħadd x’aktarx li huwa Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru.
“Yorgen qalli hu stess li Keith Schembri kien qed jgħinu. Keith jagħmel minn kollox biex jiddefendi lil Yorgen,” xehed Theuma.
X’kien jaf eżatt Yorgen Fenech?
- Fenech kien jaf li l-Pulizija waslu għall-SMS li attiva l-bomba
Il-messaġġ li kien bagħat George Degiorgio minn fuq id-dgħajsa tiegħu u li attiva l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017 kien kruċjali biex ġew arrestati t-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista.
Fix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma saħaq li Yorgen Fenech kien jaf li s-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà kellhom f’idejhom dan l-istess messaġġ li attiva l-bomba.
Dan ifisser li Yorgen Fenech, l-allegat mandant, kien qed ikun mgħarraf dwar id-dettalji tal-investigazzjoni sa minn qabel ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.
Agħar minn hekk, ifisser ukoll li min kien qed jinforma lil Yorgen Fenech, kien jaf li Fenech kien il-mandant ħafna qabel tefgħu għajnejhom fuqu l-investigaturi. Fil-fatt x’aktarx li dan kien l-aktar punt kruċjali u xokkanti sa issa li ħareġ mill-aħħar xhieda ta’ Melvin Theuma
- Fenech kien jaf li l-Pulizija se jagħmlu rejd fit-tinda tal-Patata
L-intermedjarju żvela wkoll, fix-xhieda tiegħu, li Yorgen Fenech kien jaf minn qabel li kellu jsir rejd fit-tinda tal-Patata. Ir-rejd fil-fatt sar f’Diċembru tal-2017 u hemm ġew arrestati ċ-Ċiniż, il-Fulu u l-Koħħu.
Skont ix-xhieda ta’ Theuma, kemm il-ġimgħa li għaddiet u anke nhar il-Ħamis li għadda, Fenech kien jaf bir-rejd minn tal-inqas erbat ijiem qabel.
“Għandna l-problemi hemm, se jkun hemm rejd kbir,” qal Fenech meta ra lil Theuma f’Portomaso.
Theuma qal li informa lil Degiorgio dwar ir-rejd.
- Yorgen kien jaf meta l-Kabinett iddiskuta l-maħfra Presidenzjali għal Vince Muscat
Yorgen Fenech, dejjem skont ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, kien jaf ukoll li Vince Muscat, il-Koħħu kien qed jitkellem mal-Pulizija u kien qed jgħaddi informazzjoni importanti dwar l-assassinju.
Mhux talli hekk, talli Melvin Theuma saħaq li darba minnhom, Yorgen Fenech qallu li l-kabinett kien se jiddiskuti jekk Vince Muscat għandux jingħata l-maħfra Presidenzjali, wara li kien talabha.
- Fenech kien jaf li t-telefonati qed jiġu interċettati
Melvin Theuma qal ukoll li Yorgen Fenech kien jaf li l-mowbajl tiegħu kien qed ikun interċettat. Dan ifisser li Fenech kien jaf li l-Pulizija qed issegwih.
Fil-fatt, Theuma qal li kien talbu ma jibqax iċempillu. Fil-fatt qal ukoll li Fenech qallu biex jibda juża WhatsApp jew Signal meta jikkommunika miegħu għax dawn ma setgħux jiġu interċettati.
Theuma żamm kopji ta’ dawn il-messaġġi u poġġihom f’kaxxa tal-plastik, liema kaxxa infetħet quddiem il-Maġistrat wara l-arrest tiegħu.
Apparti din l-informazzjoni kruċjali u importanti li jidher li Yorgen Fenech kellu f’idu, l-istess Melvin Theuma kien jaf li l-Pulizija waslu biex jarrestawh b’rabta ma’ investigazzjoni fuq il-ħasil ta’ flus.
Din id-darba, iżda, l-informazzjoni ma kienx tahielu Yorgen Fenech iżda Johann Cremona li kien żar lil Theuma fid-dar tiegħu flimkien ma’ Kenneth Camilleri, l-eks Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan Johann Cremona kien involut fis-settur tal-gaming, b’rabtiet mal-każinòta’ Yorgen Fenech. Fil-fatt, flimkien ma’ Fenech, l-istess Cremona huwa direttur ta’ Best Play Gaming Ltd. Cremona għandu sehem f’kumpaniji oħra tal-gaming.
Il-punti ewlenin mix-xhieda ta’ Melvin Theuma sa issa
- Jiem wara li ngħata struzzjonijiet biex jorganizza l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech jgħid lil Melvin Theuma li kien se jkollu laqgħa ma’ Keith Schembri
- Melvin jingħata xogħol mal-Gvern li għalih qatt ma attenda iżda kien jitħallas
- Il-pjanijiet biex tinqatel Daphne jkunu sospiżi dakinhar li tissejjaħ l-elezzjoni (L-1 ta’ Mejju 2017)
- Dakinhar li joħroġ ir-riżultat tal-elezzjoni, Fenech jgħid lil Theuma biex ikomplu bil-pjan
- Melvin Theuma jibda jibża’ li Yorgen Fenech u Keith Schembri se jeliminawh
- Melvin Theuma jikteb ittra u fiha jimplika lil Keith Schembri. Jinsisti li Keith Schembri qatt ma kellmu fuq il-qtil ta’ Daphne u li Yorgen Fenech kien il-mandant
- Kenneth Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà tal-Prim Ministru jiltaqa’ miegħu u jgħidlu li t-tliet irġiel kellhom jirċievu miljun ewro kull wieħed meta jingħataw il-ħelsien mill-arrest
- Kenneth Camilleri u Johann Camilleri jipprovaw jittimbraw lil Melvin Theuma bħala l-mandant
- Theuma jgħid li darba kien wassal lil Daphne sad-dar għax tħassarha meta sabet il-karozza bit-tyres imniżżla