Elezzjoni PL | Chris Fearne: nadif, rett u determinat, imma ma jispirax
Chris Fearne huwa l-favorit fit-tiġrija għal Prim Ministru għax meqjus bħala ‘nadif’u ‘rett’. Imma, minkejja kollox il-poplu mexxej rett u nadif irid? Fiex huwa b’saħħtu u fiex huwa batut? U se jġib l-għaqda jew saru wisq kompromessi?
minn Albert Gauci Cunningham
Chris Fearne. Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej Laburista, kif ukoll responsabbli mill-qasam tas-Saħħa għal snin issa, kemm bħala Segretarju Parlamentari u anke Ministru.
Huwa t-tielet kandidat li l-aktar kiseb voti fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 wara Joseph Muscat u Simon Busuttil. Huwa kien kandidat fuq it-tielet u r-raba’ distrett li jinkludi Raħal Ġdid, minn fejn huwa l-istess Fearne.
Imma l-Labour jaqbillu b’Fearne? L-ILLUM tanalizza.
‘Fearne politiku rett u nadif’
Ormaj, kulħadd jaf li bħalissa l-pajjiż għaddej minn kriżi politika ta’ kobor u gravità li qatt ma ra bħalha, Kulħadd qed jibda jaċċetta bil-mod il-mod li messejna l-qiegħ u dan huwa l-akbar skandlu li qatt esperjenzat Malta.
Dan allura qed joħloq dejjem aktar sens ta’ urġenza u realizzazzjoni li hemm bżonn ‘mexxej nadif’, li ma jerġax jispiċċa kif spiċċa Muscat, f’nofs implikazzjonijiet itiru minn kullimkien li l-qtil ta’ ġurnalista nħema fil-kurituri ta’ Kastilja u li dawk qrib tiegħu fetħu kumpaniji fil-Panama.
Fearne huwa meqjus ‘nadif’ u primarjament din l-immaġini bnieha Fearne stess, bl-għajnuna tal-Partit Nazzjonalista. Iva, tal-Partit Nazzjonalista.
Nibdew minnu. Fearne, minkejja li kellu Ministeru kbir ma daħalx f’gażibi ta’ kuntratti dubjużi u li dwarhom qamu mistoqsijiet għajr tal-VGH li kien iffirmat mill-Ministru Konrad Mizzi qablu. Fi żmien meta faqqgħu skandli serji, ibda mill-Cafè Premiere u l-esproprijazzjoni mingħand Gaffarena, sal-ftuħ tal-kumpanija fil-Panama u anke korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ Għada, Fearne dejjem deher li hu ’l fuq minn dawn l-iskandli.
Imbagħad hemm il-Partit Nazzjonalista. Dan għal żmien twil issa bena immaġini ta’ Fearne bħala politiku nadif, biex jitfa’ f’dellijiet itqal fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dan apparti li l-PN kien jaf sew, kif jaf kull min għandu idea tas-sentimenti f’Kastilja f’dawn l-aħħar sitt snin, li kien hemm antipatija lejn Fearne minn ħafna minn dawk madwar Muscat, inkluż u speċjalment minn Konrad Mizzi. Għalhekk it-tama kienet li l-istrateġija twassal biex tifred lil Fearne mill-kollegi tiegħu.
Dan huwa ppruvat mill-fatt li Fearne għandu rata ta’ approvazzjoni għolja fi ħdan il-PN, tant li l-aħħar stħarriġ tal-Mediatoday juri li 27.6% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 jafdaw aktar lil Fearne aktar minn Delia.
Fil-fatt l-istrateġija tal-PN li jgħolli lil Fearne ’l fuq minn Keith u Konrad, issa tista’ ddur kontra l-PN stess. Jekk ikun elett Fearne ħa jkun hemm Prim Ministru li l-PN ipprova jitfa’ f’dawl sabiħ, biex jitfa’ lil ħaddieħor f’dawl ikrah.
‘Fearne politiku rett u nadif’. Il-popu hekk irid?
Interessanti iżda illi minkejja din l-urġenza għal ‘politiku nadif’, wieħed għandu jistaqsi jekk il-maġġoranza tal-poplu jridx dan.
Fl-2017, il-Partit Labusrista mar għall-elezzjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji fil-Panama (mhux 17 Black), bil-kuntratt mal-VGH għadu attiv u bil-kwistjoni Egrant imdendla fuq ras Joseph Muscat. Għalkemm ma konniex nafu kemm hi kbira l-kwistjoni u kemm għandha għeruq fondi daqskemm nafu llum, kieku l-politika nadifa verament kienet prijorità għall-maġġoranza tal-poplu, il-PL ma kienx jirbaħ b’40,000 vot.
Allura fil-verità l-poplu jrid politiċi meqjusin bħala ‘indaf’? L-istorja tgħallimna.
Alfred Sant eks Prim Ministru u Mexxej Laburista kien meqjus politiku nadif fi ġlieda kontinwa kontra l-barunijiet tad-droga u l-ħbieb tal-ħbieb tal-Gvern. Sant beda diversi kruċjati fuq diversi każi, fosthom il-laqgħa li Eddie Fenech Adami kellu ma’ Żeppi l-Ħafi f’San Ġiljan.
Sant ma tpoġġiex fil-Gvern bi swing ta’ 20,000 vot minħabba dawn it-tip ta’ stejjer, imma primarjament minħabba l-introduzzjoni tal-VAT u l-cash resgisters u l-għoli tal-ħajja.
Fil-Gvern huwa ma kien qatt iffaċċjat bi skandli u huwa magħruf bħala l-Prim Ministru li vera beda jipprattika l-Malta Tagħna Lkoll. Mhux talli ma kienx ippremjat talli fl-ewwel opportunità tneħħa mill-Gvern bi swing oħra ta’ 20,000 vot.
Simon Busuttil kien meqjus ukoll bħala politiku nadif, fil-fatt il-ġlieda tiegħu kienet u għadha kważi esklussivament fuq il-korruzzjoni. Minkejja dan ilkoll nafu li dan is-suġġett ma ġablux wisq voti, anzi tilef.
F’Malta l-ideat tan-nepotiżmu u l-pjaċiri dejjem baqgħu b’saħħithom għalkemm kien dan il-Gvern li waqqaf sistema mill-aktar effiċjenti biex jara illi jinqata’ l-għatx għall-klijentaliżmu. Il-politiku f’pajjiżna għadu rrigwardat minn sezzjoni tal-popolazzjoni bħala baqra li teħleb għall-ġid individwali u huma l-politiċi stess joħolqu aspettattiva għal dan il-klijentaliżmu.
Wieħed irid jara kif se jirreaġixxu n-nies jekk Fearne jipprova jaqta’ din il-prattika f’ġieħ l-indafa u politika differenti.
Nuqqas ta’ kariżma u delivery fqir
Jekk hemm qbil ġenerali li Fearne huwa nadif, daqstant ieħor hawn qbil li Fearne mhuwiex l-aqwa oratur, anzi.
Fl-1 ta’ Mejju u f’attivitajiet tal-massa waqt il-kampanja tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew din is-sena stess, Fearne ma impressjona assolutament xejn bil-mod kif wassal il-messaġġ tiegħu u din hija problema.
L-ewwel u qabel kollox hija problema għax Fearne jkun qed jieħu post Prim Ministru li jekk xejn, kellu abilitajiet impekkabbli fit-twassil tad-diskorsi. Bla dubju se jkunu qed isiru tixbigħat bejn it-twassil tad-diskorsi ta’ Muscat lill-massa ma’ dawk ġeneralment inkongruwenti u li ma jispirawx ta’ Fearne.
Dan huwa żvantaġġ li Fearne se jkollu jipprova jegħleb jekk irid illi l-messaġġ tiegħu jasal u jikkonvinċi.
Għal dawk li qatt ma kellmuh, Fearne jista’ jidher aktar riservat u mhux daqstant kariżmatiku, iżda din jista’ jegħlibha fl-ewwel ġranet, jekk ikun elett.
X’se jagħmel b’Keith u Konrad?
Il-mistoqsija tad-deheb u li se tagħmel id-differenza kollha fis-suċċess ta’ Fearne jew ta’ kwalunkwe mexxej ieħor (imma b’mod speċjali Fearne) hija x’se jagħmel b’Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Keith Schembri: minkejja li kellu l-waqa’ inglorjuża u prattikament illum huwa mibgħud minn ħafna Laburisti, il-poter u l-kuntatti li għandu Schembri m’għandhomx ikunu ssottovalutati.
Schembri, issa qed nitgħallmu wkoll, mhux biss għandu tentakli fil-midja u fil-klassi politika imma wkoll fil-Pulizija bl-allegata ħbiberija mill-qrib mal-Ispettur Keith Arnaud.
Keith Schembri għandu ħbiberiji sodi ma’ diversi membri tal-kabinett u dawn jista’ jużahom għall-vantaġġ tiegħu biex jerġa’ jkollu xi forma ta’ saħħa.
Sa issa minkejja l-fondoq li fih jinsab il-Gvern, il-Prim Ministru għadu ma ddistakkax lilu nnifsu b’mod assertiv kontra Schembri. Din Fearne jrid jagħmilha. Anzi Fearne jaqbillu jiddistakka kemm jiflaħ lilu nnifsu minn Schembri jekk irid jagħti sinjal li huwa differenti u qed jibda mill-bidu.
Konrad Mizzi: Fil-każ ta' Konrad Mizzi diġa qal li dan mhux se jkollu post f'kabinett immexxi minnu. Minkejja kollox huwa ħalla bħal donnu bieb imbexxaq meta mbagħad kwalifika din l-istqarrija fuq il-programm Dissett u qal li Mizzi minn jeddu telaq u allura hu ma jridx ikun fil-kabinett. Il-mistoqsija pertinenti kellha tkun; U jekk idawwar fehemtu u jiddeċiedi li jrid ikun fil-Kabinett, x'jiġri?
U jekk mhux Ministeru, xi ħaġa oħra?
Se jgħaqqad?
Huwa diffċili naslu għal din il-konklużjoni issa, mingħajr ma neżaminaw il-karattru ta’ Fearne. Sa issa, jidher li għaqqad lil ħafna Ministri warajh, anke dawk li qatt ma kellhom wisq grazzja miegħu. Din minnha nnfisha turi li Fearne kapaċi jagħmel dak li ma jidhirx possibbli u jsib kompromessi tajbin biżżejjed biex żamm lill-Kabinett kumpatt.
Naturalment l-għaqda se tiddependi ħafna fuq il-kompromessi li saru issa u jekk saru kompromessi li ma jistgħux ikunu rispettati jew li Fearne m’għandu ebda intenzjoni li jirrispetta.
(Dan l-analiżi deher nhar il-Ħadd li għadda - Ara hawnhekk l-analiżi li trattat lil Robert Abela)