Niżvelaw l-ewwel dettalji tar-reshuffle ta' Fearne - Refalo jaf jerġa jiddaħħal fil-Kabinett
Kuntrarjament għal Abela, jekk jitla' Fearne se jkun qed jagħmel reshuffle. Niżvelaw l-ewwel ftit dettalji dwar min jista' jieħu promozzjoni u l-ismijiet ta' wħud mill-favoriti
minn Albert Gauci Cunningham
Bħalissa għaddej moviment qawwi ħafna fil-Grupp Parlametntari Laburista, speċjalment fost il-backbench. Dan hekk kif ftit wara li jinħatar Prim Ministru l-Mexxej Laburista ġdid, mistenni reshuffle.
Dan is-sit huwa infurmat li l-affarijiet huma ħafna iktar ċari fil-każ li jirbaħ Chris Fearne, hekk kif din il-gazzetta żvelat illi l-istess Fearne ltaqa’ ma’ ħafna mill-Grupp Parlamentari qabel ma tefa’ n-nomina u allura kiseb l-appoġġ tagħhom.
Is-sit illum.com,.mt infurmat illi Anton Refalo jaf jerġa’ jiddaħħal fil-kabinett imma mhux neċessarjament Ministru ta’ Għawdex. Minkejja li fl-2017 kiseb l-akbar numru ta’ voti mit-13-il distrett il-Prim Ministru Muscat ma tahx il-kariga ta’ Ministru ta’ Għawdex, anke wara serje ta’ żbalji u kwistjonijiet, l-aktar l-allegata pressjoni biex ikun rilaxxat plejer tal-futbol akkużat bi vjolenza domestika, biex ikun parteċipi f’logħba.
Fl-aħħar snin hu kien qed imexxi Heritage Malta.
Hu mifhum li kien ħadha bi kbira li ma sarx Ministru u din il-gazzetta kienet żvelat kif hu ma kienx aċċetta l-portafoll tal-Biedja u Sajd.
Mill-backbench u fost id-deputati iktar żgħażagħ is-sorsi ta’ din il-gazzetta semmew lil Clifton Grima, bħalissa Segretarju Parlamentari għall-Isport, li lagħab parti importanti fid-diskussjonijiet bejn Fearne u Abela, qabel ma fil-fatt Abela ddeċieda li jikkontesta. Jekk Grima ma jibqax Segretarju Parlamentari, Fearne jkollu għażla bi Chris Aguis li kien diġà okkupa din il-kariga jew inkella Jean Claude Micallef li huwa persuna intiża sew u li kien u għadu mdaħħal f’diversi għaqdiet tal-isports.
Qed jimbotta lilu nnifsu ħafna iżda meqjus bħala persuna kkwalifikata u li ħalliet riżultati filwaqt li ‘nadif’ huwa Aaron Farrugia, bħalissa Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali. Farrugia kien qed jagħti appoġġ qawwi lil Miriam Dalli u kien se jkollu kariga żgur kieku din saret Prim Ministru.
Din il-ġimgħa kiteb artiklu dwar l-ekonomija tal-pajjiż u l-viżjoni ekonomika tiegħu, artiklu li ġie mdawwar mhux minnu biss, iżda minn ħaddiema tas-Segretarjat Parlamentari, mill-President tal-MHRA u minn Philip Fenech tal-GRTU. Dan jista’ jkun sinjal ukoll ta’ lobbying ta’ Farrugia mas-soċjetà ċivili u man-negozji.
Jidher li hemm qbil illi Byron Camilleri rebaħ ir-rispett ta’ ħafna mill-Grupp Parlamentari, qed jagħmel biċċa xogħol tajba u allura jixraqlu jkun ippremjat. Jekk Camilleri jingħata promozzjoni titbattal il-pożizzjoni ta’ Whip tal-Partit, kariga li tista’ timtela wkoll minn xi ħadd li jinsab fil-backbench.
Hemm ukoll Silvio Schembri, Julia Farrugia Portelli, Alex Muscat u anke Glenn Bedingfield li jista’ jmisshom xi ħaġa, bl-ewwel tnejn meqjusin illi għamlu biċċa xogħol tajba fis-settur li kienu qed imexxu, speċjalment Schembri f’dak li jirrigwarda l-blockchain. Schembri kien il-kandidat bl-akbar numru ta’ voti fuq is-sitt distrett.
Liema Ministeri se jkollhom jimtlew ...
Jekk jitla’ Fearne, ikun ifisser li jkun hemm bżonn jimtela l-post ta’ Ministeru tas-Saħħa. Dan apparti li hemm il-Ministeru tat-Turiżmu li jinsab bla Ministru.
Jista’ jkun ukoll iżda li Fearne, jekk elett, jagħmel xi ċaqlieqa fosthom fl-edukazzjoni b’Evarist Bartolo fi triqtu ’l barra hekk kif mhux se jerġa’ jikkontesta elezzjoni oħra u jneħħi Ministri li mhux meqjusin effiċjenti biżżejjed u li spiċċaw f’kontroversji fl-aħħar xhur u snin.
Ministeri oħrajn li jistgħu jkunu interessati, għax jista’ jkun hemm ċaqieq jew tibdil, huma tal-Ġustizzja u Kultura bħalissa mmexxi mill-Ministru Owen Bonnici, tal-Intern bħalissa mmexxi minn Michael Farrugia u tal-Ugwaljanza u Affarijiet Ewropej bħalissa mmexxi minn Edward Zammit Lewis.
Ian Borg u l-patt imxajtan
Dan apparti l-fatt li jekk ikun elett Fearne jkollu jaħtar Deputat Prim Ministru ġdid, li jidher illi se jkun Ian Borg.
Borg kien wieħed minn dawk li kienu se jitfgħu isimhom għat-tmexxija tal-partit, iżda malli Fearne ħareġ ismu għal din it-tiġrija, il-Ministru tat-Trasport u Infrastruttura, mill-ewwel skjera ruħu wara Fearne.
Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat x’kien ‘il-patt imxajtan’ li rrefera għalih Robert Abela. Dan fil-fatt kien ftehim li sar quddiem il-Prim Ministru Joseph Muscat u li kien jara l-ħolqien ta’ trijumverat; Fearne Prim Ministru u Borg u Abela Deputati Mexxejja.
Wieħed għalhekk irid jara jekk ikun elett Fearne, Abela x’post se jkollu f’dan il-kabinett.
Konrad Mizzi qed jappoġġja lil Fearne ‘attivament’
Intant dan is-sit jinsab infurmat wkoll illi bħal prattikament il-kabinett kollu Konrad Mizzi, li minkejja kollox għandu s-segwaċi u r-rispett fost ħafna Laburisti, qiegħed jappoġġja lil Fearne ‘attivament’.
Dan minkejja illi sa ftit xhur ilu ma kinux jaraw wisq għajn m’għajn.
Fearne għamilha ċara illi Mizzi m’għandux post fil-kabinett tiegħu, anke jekk fuq Dissett ikkwalifika din l-istqarrija u qal li Mizzi minn jeddu ma jridx illi jkun Ministru għax irriżenja.
Abela wkoll qed jisħaq illi Mizzi m’għandux post fil-kabinett tiegħu.
Lejn kabinett ikbar
Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi jidher li se nkunu qed inħarsu lejn kabinett ikbar dejjem jekk jitla’ Fearne.
Interessanti illi issa ma jidhirx li Abela għamel wisq minn dawn in-negozjati u jekk għamel ftit huwa magħruf dwarhom fost dawk li tkellmu ma’ dan is-sit.