Fuq il-jott ta’ Yorgen Fenech instabu €7,000 fi flus kontanti u dan meta Fenech kien arrestat mill-pulizija. Il-jott kien sejjer Pozzallo, fi Sqallija fejn kien se jsir xi manutenzjoni fuqu, iżda Fenech ma kienx se jirritorna.
Dan qalu l-kaptan tal-jott, Logan Woods, li qal ukoll li minkejja li Fenech ma kienx se jerġa jiġi lura Malta fuq il-Gio, ma kienx jaf li n-negozjant se jipprova jaħrab mill-pajjiż.
Dan xehdu dalgħodu l-Ispettur Kevin Pulis fil-Qorti hekk kif qed ikompli jistema’ l-każ kontra Yorgen Fenech li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fis-seduta dalgħodu Pulis xehed kif nhar it-22 ta’ Novembru l-unit kontra l-ħasil tal-flus kienu għamlu tfitxija f’Portomaso u kkonfiskaw numru ta’ dokumenti.
L-Ispettur kompla billi ppreżenta invoice ta’ €1 miljun li nstabet fl-uffiċċju ta’ Fenech f’Portomaso u li kien maħruġ minn New Energy Ltd lil GEM Holdings, grupp ta’ interessi Maltin li jinkludu lill-familja Apap Bologna, Gasan Enterprises u Fenech innifsu. Dawn flimkien jiffurmaw GEM Holdings li hija waħda mill-konsorzju ta’ tliet kumpaniji li rebħu t-tender biex jibnu u jmexxu l-Power Station il-ġdida f'Delimara.
Pulis ippreżenta d-dokumenti ta’ Wings Development Ltd li propjrament hija 17 Black u li Fenech bidlilha isimha meta Daphne Caruana Galizia bdiet tindika li għandha l-informazzjoni dwar din il-kumpanija li kienet ibbażata fil-Bank Noor fid-Dubaj.
Il-ġimgħa l-oħra l-Bank Noor żvela kif għalaq il-kontijiet marbutin ma' din il-kumpanija filwaqt li l-Kap tal-FIU tal-Emirati Għarab Magħquda Ali Faisal Ba'Alawi sostna illi ħadd ma kien talab biex il-kważi $1.7 miljun li għaddiet lil Fenech u li kienu f'17 Black, jiġu ffriżati.