Repubblika titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Muscat fuq akkuża ta' tixħim

 ... imma l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jgħid li din hija kampanja ta' gideb, qerq u invenzjonijiet

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika żvelat kif għaddiet ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex jinvestiga lill-Prim Ministru Joseph Muscat fuq l-akkuża ta' tixħim.  Dan fid-dawl tal-fatt li Muscat ma ċaħadx illi aċċetta arloġġ tal-valur allegat ta' €20,000, tad-ditta BVLGARI mingħand Yorgen Fenech.

Repubblika tfakkar illi kien il-Gvern u l-Kabinett li approva t-tender lill-Electrogas, il-kumpanija li tagħha Yorgen Fenech, illum akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, kien direttur. Electrogas, bniet u qed tmexxi l-Power Station il-ġdida.

Kien is-sit Lovin Malta li żvela kif il-Prim Ministru kien aċċetta dan ir-rigal ta' arloġġ ta' edizzjoni limitata li sar biex titfakkar l-10 sena minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.

"Niġbidlek l-attenzjoni li n-numru tal-arloġġ mogħti minn Yorgen Fenech lil Joseph Muscat huwa n-numru 17," qalet Repubblika fl-istqarrija li kkwotat l-ittra li bagħtet lill-Kummissarju tal-Pulizija. "Infakkrek li Yorgen Fenech huwa s-sid tas-soċjetà sigrieta 17 Black (inkorporata f’Dubai) dwar liema soċjeta inti taf li sa minn April 2018 l-Economic Crimes Unit taħtek irċeviet rapport dettaljat mill-Financial Intelligence Analysis Unit dwar ħasil ta’ flus u tixħim li kien jinvolvi lill-istess Yorgen Fenech u lill-ex Ministru Konrad Mizzi u l-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri."

Il-Gvern jirrispondi ... 

Intant il-Gvern irrisponda wkoll billi qal li l-PM mhux se jidħol f'dak li ddeskriva bħala, "informazzjoni selettiva, li ngħatat lill-midja minn xi ħadd li qed jidderieġi lill-akkużat f'każ ikrah ta' assasinju." Il-Gvern qal li dan qed isir biex tinbena narrattiva li hija qarrieqa.  

"Il-Prim Ministru għamel xogħolu minkejja li kien mhedded b'kampanja ta' ħmieġ kontrih. Il-PM iżomm id-dritt li jieħu azzjoni fil-mument opportun kif ukoll jwieġeb bil-fatti li juru l-manipulazzjoni u l-invenzjonijiet li qed jiċċirkolaw bħalissa."

L-istqarrija tgħid illi Muscat dejjem segwa l-kodiċi u r-regoli kollha dwar rigali. 

 

More in Politika