L-Alternattiva Demokratika (AD) ħabbret illi għall-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun qed tifforma front flimkien mal-Partit Demokratiku. Dan tal-aħħar tilef lill-Kap u fundaturi tiegħu Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li rreżenjaw u baqgħu Deputati indipendenti.
"Iġġilidna l-istess ġlieda għal snin. Naraw għajn m'għajn. Irridu nikbru flimkien u nagħmlu dan permezz ta' proċess miftuħ u f'konsultazzjoni mal-pubbliku," sostna Timothy Alden.
Intant fid-dawl ta' dak li qed jiġri fil-pajjiż u l-iżviluppi fir-rigward tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-AD ħabbret li mhijiex se tikkommemora lil Karin Grech mal-Partit Laburista, minkejja li kienet ipparteċipat fil-kommemorazzjoni ta' Raymond Caruana mal-Partit Nazzjonalista. Minflok għamlet dan għaliha dalgħodu.
Waqt konferenza quddiem il-bust li jfakkar lil Grech f'San Ġwann iċ-Chairman tal-AD Carmel Cacopardo qal illi l-qtil ta' Karin Grech, bħal ta' Daphne Caruana Galizia u Raymond Caruana huwa tebgħa fuq pajjiżna.
Il-PD qal illi jikkundanna kull tip ta' vjolenza u mibegħda u ried ifakkar lil dawk kolha li ħallsu b'ħajjithom għat-twemmin politiku, prinċipji, sess u reliġjon.