Il-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) sostniet illi l-qtugħ fid-dawl u black outs li qed iseħħu, huma kompletament inaċettabbi.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra ħareġ din l-istqarrija hekk kif illum il-pajjiż esperjenza it-tieni qtugħ ta' dawl f'inqas minn 24 siegħa u wara sensiela ta' qtugħ ta' dawl dan ix-xahar.
"L-MHRA konsistentement argumentat illi pajjiż li jkollu interruzzjonijiet fl-elettriku jkun żvantaġġjat minn infrastruttura bażika u elemantari. Żgur li ma tipproġettax immaġini tajba ta' Malta," sostniet l-istess għaqda.
Fid-dawl ta' dan, l-MHRA saħqet li l-Enemalta għandha ġġorr ir-responsabiltà ta' dan il-qtugħ tad-dawl, speċjalment fid-dawl tal-investiment li sar fl-aħħar 10 snin biex ikun assigurat li l-pajjiż huwa mgħammar bl-infrastruttura meħtieġa."
L-MHRA qalet illi tifhem li huwa raġonevoli li jseħħu żbalji jew qtugħ okkażjonali, tal-elettriku "imma ma nistgħux nifhmu il-qtugħ madwar il-pajjiż kollu li ġara bosta drabi matul dawn il-ġimgħat."
L-MHRA qalet illi dan il-qtugħ frekwenti, speċjalment f'dan iż-żmien tal-festi, qed jikkawża telf finanzjaju kbir fost il-lukandiera u r-restoranti.
Il-President tal-MHRA Zahra temm l-istqarrija jgħid illi l-MCESD għandu jitlaqqa' biex il-Korpi Kostitwiti jingħataw spjegazzjoni mid-Diretturi tal-Enemalta.