Jitħabbru d-dettalji tal-aħħar tislima lill-Kardinal Prospero Grech
L-ewwel waqfa tal-fdalijiet tal-Kardinal se tkun fil-Birgu fejn twieled u tgħammed
More in Politika
L-ewwel waqfa tal-fdalijiet tal-Kardinal se tkun fil-Birgu fejn twieled u tgħammed
Matul din il-ġimgħa, il-Kardinal Prospero Grech se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima f’Malta.
Il-Provinċja Agostinjana, flimkien mal-Arċidjoċesi ħabbru d-dettalji ta’ dak li se jkun qiegħed iseħħ min-nhar l-Erbgħa.
It-tebut bil-fdalijiet tal-Kardinal se jaslu Malta nhar l-Erbgħa u fl-4:30pm, il-korteo funebri se jasal il-Birgu, belt twelid Grech. Hemm se jkun qiegħed isir mument ta’ talb fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, fejn ilbieraħ kellu jmexxi ċelebrazzjoni speċjali.
Fis-6:00pm, il-korteo se jitlaq mill-Birgu lejn il-Kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat.
L-għada filgħodu, il-Ħamis 9 ta’ Jannar, bejn id-9:00am u nofsinhar, it-tebut se jkun qiegħed jitqiegħed fil-kappella tal-kunvent għall-qima tal-pubbliku.
F’nofsinhar, il-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex se jsellmu lill-Kardinal Grech b’mota funebri.
Fis-1:40pm, it-tebut se jittieħed il-Katidal Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, u fis-2pm issir quddiesa praesente cadavere b’suffraġju għall-Kardinal, ippreseduta mill-Arċisqof Charles J. Scicluna
Se jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex; l-Isqof Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju għal Maltau l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.
L-Ordni Agostinjan ser ikun rappreżentat mill-Vigarju Ġenerali, Patri Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng.
Il-Provinċja Agostinjana Maltija ser tkun rappreżentata mill-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u għadd ta’ reliġjużi oħra tal-Provinċja. Magħhom ser jikkonċelebra wkoll Patri Alexander Longs f’isem il-Komunità ta’ Santa Monika f’Ruma, fejn il-Kardinal għex għal aktar minn 60 sena.
Il-kongregazzjoni ser tkun immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella. Wara l-Quddiesa, id-difna tkompli f’forma privata.
Il-Provinċja Agostinjana Maltija tixtieq li minflok fjuri jintbagħtu għotjiet ta’ karità lid-Dar tal-Provindenza jew lis-Segretarjat għall-Missjonijiet Agostinjani, li kienu tant għal qalb il-Kardinal Prospero Grech.